Għal sena oħra se jittella’ l-kunċert tradizzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena f’Baċir Nru 1 fil-Kottonera. Din l-attività saret sinonima mal-bidu tas-sena l-ġdida, hekk kif matul dawn l-aħħar snin il-Fondazzjoni Kottonera dejjem assigurat li torganizza avveniment ta’ livell għoli biex isellem is-sena li tkun għaddejja u jilqa’ dik li ġejja.
Id-dettalji dwar il-kunċert tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.
Għall-edizzjoni ta’ din is-sena se jieħdu sehem il-grupp Kantera, flimkien mal-artisti Matthew James u Ira Losco. Il-kunċert se jkun ippreżentat minn Ray Calleja u Dorianne Mamo. Minbarra l-mużika, il-pubbliku se jgawdi wkoll minn spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru kif ukoll wirja spettakolari bid-drones.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-avveniment illum sar parti integrali mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, hekk kif kull sena dejjem aktar nies qed jagħżlu l-Kottonera biex iqattgħu l-lejl tal-bidu tas-sena.
Hija spjegat li, għalkemm il-Fondazzjoni Kottonera torganizza diversi attivitajiet matul is-sena, dan jibqa’ l-akbar u l-aktar wieħed mistenni. Żiedet tgħid li l-potenzjal kulturali u storiku tal-Kottonera qed ikompli jiġi espost u apprezzat kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti. Dan l-avveniment, fil-qalba tas-swar u l-fortifikazzjonijiet storiċi, joffri esperjenza unika li tgħaqqad mużika, spettaklu u ambjent mill-isbaħ.
Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jappoġġja dawn l-inizjattivi li jagħtu ħajja aħjar lir-residenti, joħolqu opportunitajiet għall-artisti Maltin u jsaħħu l-għaqda komunitarja, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi qal li matul l-aħħar ġimgħat il-ħaddiema tal-Fondazzjoni ħadmu bla waqfien biex iħejju avveniment ta’ kwalità għolja li joffri spettaklu mill-aqwa lill-pubbliku.
Huwa spjega li l-Fondazzjoni torganizza u tappoġġja numru kbir ta’ attivitajiet matul is-sena bil-għan li tippromwovi l-Kottonera u sservi ta’ sostenn għal inizjattivi ta’ benefiċċju għall-komunità. Madankollu, dan il-kunċert jibqa’ l-akbar avveniment annwali, u din is-sena reġa’ ġie msaħħa permezz ta’ artisti stabbiliti, preżentaturi ta’ livell u spettaklu impressjonanti ta’ logħob tan-nar u drones mal-wasla ta’ nofsillejl.
Il-kunċert se jsir nhar il-31 ta’ Diċembru, jibda fit-8.00pm u jkompli sas-sigħat bikrin tal-1 ta’ Jannar. It-trasport pubbliku u s-servizz tal-ferry se jkunu estiżi fil-ħinijiet sabiex jitnaqqas l-impatt tat-traffiku.
L-attività qed tittella’ mill-Fondazzjoni Kottonera b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u Visit Malta.










