Nhar is-Sibt li ġej, 20 ta’ Diċembru, fin-Naxxar se tittella’ l-attività tal-Milied Milied Tfuliti, ċelebrazzjoni mmirata lejn il-familji u r-residenti tal-lokalità. L-attività tibda mill-4.00pm ’il quddiem u se tittella’ fi Pjazza Vittorja u Triq Santa Luċija.
Id-dettalji dwar din l-attività tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tan-Naxxar Chris Deguara u membri oħra tal-Kunsill Lokali. Intqal li l-edizzjoni ta’ din is-sena se toffri suq tal-Milied akbar u aktar vibranti, b’għażla wiesgħa ta’ bankarelli tal-artiġjanat li jippromwovu l-arti u l-prodotti lokali, kif ukoll attrazzjonijiet speċifikament maħsuba kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti.
Element ċentrali ta’ Milied Tfuliti se jkun il-parteċipazzjoni tal-għaqdiet mhux governattivi fin-Naxxar, fosthom għaqdiet sportivi u dawk tal-baned, li se jorganizzaw wirjiet u attivitajiet relatati ma’ dan iż-żmien tal-festi. Il-programm se jilħaq il-qofol tiegħu b’kunċert li se jinkludi lil The New Victorians, Versatile Brass Band u artisti rinomati oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet li din l-attività tifforma parti minn sensiela ta’ inizjattivi simili li qed jiġu organizzati minn Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex. Spjegat li, filwaqt li fl-aħħar snin ġew imsaħħa l-attivitajiet fil-Belt Valletta, żdied ukoll b’mod sostanzjali l-għadd ta’ attivitajiet tal-Milied fil-lokalitajiet, biex kulħadd ikollu aċċess u jgawdi dan iż-żmien speċjali.
“Permezz ta’ fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qed nassiguraw li kważi kull belt u raħal f’pajjiżna jorganizza attività matul dawn il-festi. Bħala Gvern nemmnu fil-ħajja komunitarja u għalhekk qed ninvestu f’attivitajiet staġjonali li jġibu lin-nies flimkien. L-iskema tal-attivitajiet tal-Milied tippermetti lill-Kunsilli Lokali joħorġu b’ideat oriġinali u jitolbu finanzjament, u b’hekk jitnaqqas il-piż finanzjarju fuqhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tan-Naxxar Chris Deguara qal li Milied Tfuliti hija opportunità biex il-komunità tinġabar u tiċċelebra l-ispirtu veru tal-Milied permezz tat-tradizzjonijiet. Huwa rringrazzja lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali għall-appoġġ finanzjarju mogħti permezz tal-iskema tal-Milied, filwaqt li spjega li l-attività qed tiġi organizzata f’kollaborazzjoni ma’ Visit Malta u diversi entitajiet privati oħra.










