L-għadd ta’ għaqdiet tal-festi li se jibbenefikaw minn fondi pubbliċi din is-sena tela’ għal 120, b’investiment totali li jaqbeż il-€1.1 miljun. Dan wara li 37 organizzazzjoni volontarja oħra ngħataw fondi ġodda mill-Kunsill Malti għall-Arti, b’valur ta’ €344,000, u b’hekk ingħaqdu mat-83 għaqda li diġà gawdew minn €800,000 aktar kmieni din is-sena.
Il-finanzjament qed jingħata permezz tal-Iskema għall-Wirt Artistiku, amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti, li tinfetaħ f’żewġ sejħiet differenti matul is-sena sabiex l-għaqdiet ikunu jistgħu japplikaw skont il-bżonnijiet tagħhom.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li l-investiment totali ta’ din l-iskema għall-2025 issa jaqbeż il-€1.1 miljun. Huwa spjega li l-iskema tappoġġja għaqdiet volontarji bħall-każini tal-banda, is-soċjetajiet mużikali u l-fabbriki tan-nar, li huma attivi f’oqsma ewlenin marbuta mal-festi Maltin – fosthom il-mużika strumentali, is-saħħa u s-sigurtà fil-fabbriki tan-nar, kif ukoll il-ħolqien u r-restawr tad-dekorazzjonijiet semi-permanenti.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li l-festi Maltin huma mibnija fuq il-ħidma ta’ netwerk wiesa’ ta’ voluntiera li jaħdmu tul is-sena kollha biex iżommu ħajjin dawn it-tradizzjonijiet. Huwa sostna li dawn l-għaqdiet jimlew il-pjazez u t-toroq bil-kuluri u bl-ispirtu komunitarju li jagħmlu parti essenzjali mill-wirt kulturali Malti, li hu rikonoxxut ukoll bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
Skont il-Ministru, il-finanzjament mogħti permezz ta’ din l-iskema jindirizza l-bżonnijiet differenti ta’ dawn is-setturi u jgħinhom ikomplu jissalvagwardjaw prattiċi li ilhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan l-impenn, qal hu, jallinja wkoll mal-prinċipji ta’ Viżjoni Malta 2050, l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp fit-tul tal-pajjiż.
Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon, qalet li l-Iskema għall-Wirt Artistiku tkompli ssaħħaħ l-impenn lejn il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-wirt artistiku u kulturali Malti, mibni fuq id-dedikazzjoni ta’ mijiet ta’ voluntiera. Hija spjegat li l-għotjiet qed jipprovdu sostenn konkret biex dawn l-għaqdiet ikomplu jiżviluppaw il-prattiċi artistiċi tagħhom b’mod sostenibbli.
Il-proġetti magħżula jkopru firxa wiesgħa ta’ inizjattivi, fosthom l-edukazzjoni mużikali, il-modernizzazzjoni tal-każini tal-banda, titjib fis-sigurtà tal-fabbriki tan-nar, xogħol ta’ restawr, investimenti fit-teknoloġija u fit-taħriġ, kif ukoll inizjattivi li jippromwovu kollaborazzjoni u approċċ aktar sostenibbli lejn it-tradizzjonijiet tal-festa.
Il-lista sħiħa tal-proġetti magħżula tinsab fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti.











