Tintem b’suċċess is-sitt edizzjoni tal-inizjattiva Rigal Bi Mħabba, li din is-sena rnexxielha tiġbor numru rekord ta’ rigali għat-tfal vulnerabbli.
Fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja, quddiem il-mijiet ta’ rigali miġbura bis-saħħa tal-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, Dr Lydia Abela flimkien ma’ bintha Giorgia Mae rringrazzjaw lil kull min ta s-sehem tiegħu biex kull tifel u tifla jkollhom rigal dan il-Milied, irrispettivament mill-isfidi li jkunu qed jaffaċċjaw.
Fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, Dr Lydia Abela esprimiet sodisfazzjon għall-impenn kontinwu ta’ familji, għaqdiet, kunsilli lokali u kumpaniji, li mhux biss jerġgħu jipparteċipaw sena wara sena, iżda wkoll iressqu ideat ġodda biex din l-inizjattiva tkompli tikber u tilħaq aktar nies madwar il-pajjiż. Hija semmiet ukoll Rigal Bi Mħabba b’Differenza b’risq l-annimali, inizjattiva li bdiet flimkien ma’ Jake Vella u li din is-sena ġiet estiża wkoll għal Għawdex.
“Rigal Bi Mħabba jfakkarna fil-qawwa tal-ġenerożità u fit-tama li nistgħu noffru meta ningħaqdu flimkien. Għas-sitt sena konsekuttiva, il-Maltin u l-Għawdxin wrew qalb kbira u offrew it-tama. Issa jibda x-xogħol biex din il-ġenerożità tasal direttament għand it-tfal qabel Jum il-Milied,” qalet Dr Lydia Abela.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna li din l-inizjattiva hija eżempju ċar ta’ solidarjetà li tagħmel differenza reali fil-ħajja tat-tfal l-aktar vulnerabbli. Huwa faħħar ukoll is-sehem attiv tal-Forzi Dixxiplinati, li għal darb’oħra wrew li l-ħidma tagħhom tmur lil hinn mis-sigurtà, billi joffru ferħ, tama u tbissima lil tfal li jixirqilhom Milied mimli mħabba u dinjità.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret il-parteċipazzjoni qawwija tal-Kunsilli Lokali, u qalet li inizjattivi bħal dawn isaħħu l-għaqda fil-komunitajiet u jkomplu juru, sena wara sena, il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi.













