Id-Direttorat tal-Kultura għal sena oħra qed itella’ wirja ta’ presepji, din id-darba fil-Knisja ddedikata lil San Ġużepp fil-Kalkara.
Din ġiet inawgurata nhar l-Erbgħa li għaddiet 17 ta’ Diċembru 2025 mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici flimkien mal-Kappillan tal-Kalkara Fr Nicholas Pace u fil-preżenza tas-Sindku Wayne Aquilina.
Preżenti wkoll id-Direttur Alexander Farrugia, l-Assistent Direttur Clifford Galea u Melanie Ciantar Harrington li tikkordina s-sezzjoni tal-Patrimonju Ħaj.
Il-Ministru Bonnici tenna li għandna nkunu kburin bil-ħila tal-Maltin li joħolqu l-presepju Malti li jintgħaraf minn presepji ta’ stil ieħor fejn saħansitra ssib anke nies li jiftħu djarhom sabiex jilqgħu lit-turisti u l-viżitaturi biex jaraw il-presepju li jkollhom armat u li din l-inizjattiva ta’ min ifaħħarha.
Il-presepji għall-wiri jvarjaw fl-istil, id-daqs u l-materjal li ntuża.
Inħeġġukom tmorru u tarawha.
Il-pubbliku jista’ jara wkoll fejn jinsabu l-presepji li qed jieħdu sehem fil-kompetizzjoni permezz tal-QR code mnedija apposta.








