Ktieb ġdid ta’ ritratti qed ifakkar il-mumenti ewlenin tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2025. Il-pubblikazzjoni, bit-titlu Il-Presidenza ta’ Malta, inħarġet mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu permezz tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa.
It-tnedija tal-ktieb saret din il-ġimgħa f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta, mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg. Għaliha attendew uffiċjali minn diversi entitajiet, diplomatiċi, esperti f’oqsma differenti u artisti li taw is-sehem tagħhom fil-Presidenza Maltija, li saret bejn l-14 ta’ Mejju u l-14 ta’ Novembru 2025.
Il-ktieb jinkludi 200 paġna ta’ ritratti li jaqbdu l-aktar mumenti memorabbli kemm tal-programm politiku kif ukoll ta’ dak kulturali, u jservi bħala rikordju viżiv tal-kisbiet ta’ Malta f’madwar 70 inizjattiva li ttellgħu kemm f’Malta kif ukoll fi Strasburgu, is-sede tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll messaġġi bil-Malti u bl-Ingliż mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, mill-Prim Ministru Robert Abela u mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg, li matul il-Presidenza serva wkoll bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Jidhru wkoll messaġġi mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset u mill-President tal-Assemblea Parlamentari tiegħu Theodorus Rousopoulos, fost oħrajn.
Fl-indirizz tiegħu, Dr Borg irringrazzja lill-entitajiet, l-organizzazzjonijiet u l-individwi kollha li kkontribwixxew għas-suċċess ta’ din il-Presidenza, li ħabtet ukoll mas-60 anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa. Huwa sostna li l-Presidenza saħħet l-impenn ta’ Malta lejn il-valuri Ewropej, permezz tad-djalogu, il-kooperazzjoni u r-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, filwaqt li Malta kompliet taġixxi bħala pont bejn nazzjonijiet u fehmiet differenti.
Għall-attività attendew ukoll il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa Naomi Cachia. Indirizzaw it-tnedija wkoll l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, u Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku tal-Presidenza Maltija.
Kopji tal-ktieb Il-Presidenza ta’ Malta – A Visual Legacy of Malta’s Presidency of the Council of Europe 2025 tqassmu lill-mistednin bi ħlas ta’ donazzjoni b’risq ‘L-Istrina’, l-inizjattiva annwali ta’ ġbir ta’ fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation li ssir fl-Għada tal-Milied.












