Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, żar is-sett tal-produzzjoni televiżiva Franċiża La Comtesse de Monte-Cristo, li bħalissa qed tinħadem f’Malta.
Din il-produzzjoni ta’ livell għoli tikkonsisti f’tmien episodji ta’ 52 minuta u ilha tinġibed f’pajjiżna għal dawn l-aħħar tliet xhur. Matul iż-żjara, il-Ministru u l-Kummissarju ltaqgħu mal-produtturi, id-direttur, l-atturi u l-crew, li 90% minnu huwa magħmul minn ħaddiema Maltin.
Il-ġbid sar f’diversi postijiet emblematiċi f’Malta, fosthom ir-Riviera fil-Mellieħa, il-Pixkerija u t-Teatru Manoel fil-Belt Valletta, Miġra l-Ferħa fir-Rabat, Palazzo Parisio fin-Naxxar u l-Forti Manoel fil-Gżira.
Il-Ministru Bonnici sostna li produzzjonijiet internazzjonali bħal din ikomplu jippromwovu l-wirt kulturali Malti, joħolqu impjiegi ta’ kwalità fis-settur tal-films u jsaħħu l-ekonomija. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Grech qal li din hija xhieda tal-iżvilupp kontinwu tal-industrija tal-films f’Malta, b’aktar Maltin jaħdmu fiha tul is-sena kollha, filwaqt li l-pajjiż jibqa’ jattira produzzjonijiet li jħallu valur fit-tul.
La Comtesse de Monte-Cristo toffri interpretazzjoni kontemporanja tar-rumanz klassiku ta’ Alexandre Dumas, ambjentata f’Marsilja tal-1815, iżda din id-darba tpoġġi lil Mercédès Herrera fiċ-ċentru tal-istorja bħala erojna tad-destin tagħha stess.
Ritratti: MCLG












