Fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-edizzjoni tal-2025 ta’ L-Istrina, il-maratona nazzjonali li tittella’ l-għada tal-Milied b’risq il-Malta Community Chest Fund, sabiex tkompli tgħin lil dawk li l-aktar għandhom bżonn.
It-Tlieta filgħodu, il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, żaret il-post fejn segwiet mill-qrib ix-xogħol li għaddej u ltaqgħet mal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-President, tal-Malta Community Chest Fund kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ kumpaniji privati li qed joffru l-għajnuna tagħhom fl-armar u l-organizzazzjoni.
Bħas-snin preċedenti, L-Istrina se tiftaħ f’nofsinhar mill-President ta’ Malta, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna. Ix-xandira se tkompli sal-lejl fuq l-istazzjonijiet ewlenin kollha, b’programm varjat ta’ divertiment, fosthom bandisti minn għaqdiet mużikali differenti miġbura mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, attivitajiet immexxija minn personalitajiet tat-televiżjoni u intervisti ma’ persuni li bbenefikaw mill-għajnuna tal-Fond.
Matul il-ġurnata, il-President se tkun qed tgħin fil-ġbir tad-donazzjonijiet skont il-ħtieġa, filwaqt li bosta voluntiera se jkunu qed iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku. Individwi u kumpaniji li organizzaw ġabriet matul is-sena se jkunu jistgħu wkoll jippreżentaw iċ-ċekkijiet tagħhom.
Aktar tard, għall-ħabta tat-3.30pm, il-President se żżur Għawdex biex tilqa’ d-donazzjonijiet minn individwi u kumpaniji Għawdxin. Din is-sena, iċ-ċelebrazzjoni ta’ L-Istrina f’Għawdex se ssir fid-daħla ta’ Betleħem f’Għajnsielem, attività tradizzjonali li wkoll qed tittella’ b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Anke din is-sena, numru ta’ parrukkiera qed joffru s-servizzi tagħhom b’xejn fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, fejn se jaqtgħu x-xagħar ta’ dawk li jixtiequ jagħtuh b’donazzjoni. Dan ix-xagħar jintuża biex isiru parrokki għal persuni li jitilfu xagħarhom minħabba trattamenti tal-kanċer jew kundizzjonijiet mediċi oħra, b’kull parrokka teħtieġ bejn erba’ u sitt donazzjonijiet ta’ xagħar. Id-donazzjoni trid tkun twila mill-inqas 30 ċentimetru u mingħajr kimiċi, u min hu interessat għandu jagħmel appuntament fuq 7969 0754 jew 2169 0754.
Sadanittant, id-donazzjonijiet jistgħu jibdew isiru anke qabel jum L-Istrina. Il-linji huma miftuħa u wieħed jista’ jċempel 51802012 għal donazzjoni ta’ €25, 51902030 għal €50, jew jibgħat SMS ta’ €11.65 fuq 50619201. Donazzjonijiet ta’ kull ammont jistgħu jsiru wkoll permezz tal-apps BOVMobile jew MyAPS fuq 79359565. F’jum L-Istrina, se tkun attiva wkoll il-pledge line fuq 21262626, biex il-voluntiera jiġbru d-donazzjonijiet matul il-ġurnata.
Ritratti: OPR












