Il-Belt Valletta, bħala l-Kapitali ta’ pajjiżna, u s-27 ta’ Diċembru, bħala l-jum iddedikat għall-Innu Malti, issa huma mnaqqxin formalment fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, wara li l-emendi relevanti ġew approvati unanimament mill-Parlament u daħlu fis-seħħ.
Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, il-Belt Valletta qed tiġi rikonoxxuta b’mod ċar u uffiċjali fil-Kostituzzjoni bħala l-Belt Kapitali ta’ Malta. Fl-istess ħin, s-27 ta’ Diċembru ġie stabbilit ukoll fil-Kostituzzjoni bħala l-jum iddedikat lill-Innu Malti.
Dawn l-emendi kienu mressqa mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, u ġew approvati unanimament mill-Kamra tad-Deputati.
F’kumment tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li din hija ġurnata oħra storika għal Valletta, belt barokka u maestuża, u wkoll mument ieħor ta’ għaqda nazzjonali, hekk kif l-Innu Malti issa għandu jum iddedikat għalih. Huwa sostna li dawn iż-żewġ inizjattivi jkomplu jenfasizzaw dak li jgħaqqadna bħala poplu wieħed.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli laqgħet b’sodisfazzjon l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, li permezz tagħhom Valletta qed tiġi rikonoxxuta fil-liġi suprema tal-pajjiż bħala l-kapitali ta’ Malta, u s-27 ta’ Diċembru qed jingħata status kostituzzjonali bħala jum ta’ ġieħ lill-Innu Nazzjonali. Hija rrimarkat li dan il-pass isaħħaħ il-kburija fl-identità nazzjonali Maltija.
Hija żiedet li d-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi jfisser rikonoxximent ċar ta’ min aħna bħala poplu. Valletta mhijiex biss ċentru amministrattiv, iżda simbolu ħaj tal-istorja, il-kultura u r-reżiljenza tal-poplu Malti, filwaqt li l-Innu Malti jibqa’ espressjoni qawwija tal-valuri u l-għaqda nazzjonali tagħna.
Il-provvediment li jistabbilixxi lil Valletta bħala l-Belt Kapitali ta’ Malta ġie wkoll entrenched fil-Kostituzzjoni, li jfisser li kwalunkwe tibdil fil-futur ikun jeħtieġ l-approvazzjoni ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
Ta’ min ifakkar li s-27 ta’ Diċembru tal-1922 kien il-jum li fih indaqq għall-ewwel darba l-Innu Malti. Għaldaqstant, minn issa ’l quddiem dan il-jum se jkun imħares mill-Kostituzzjoni bħala l-jum iddedikat uffiċjalment lill-Innu Malti.
Ritratt: DN Anthems








