Wara kważi 20 sena ta’ xandir minn radju komunitarju Koppin, Radju Leonardo 105.2FM issa ġie rilokkat f’post ġdid fir-raħal grazzi għall-impenn volontarju tal-membri tal-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop u għajnuna finanzjarja ta’ €20,000 mill-Iskema għall-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) għas-sena 2025. Din l-iskema hija mħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.
Permezz tal-Iskema VOPS, matul l-2025, ibbenefikaw 48 għaqda volontarja differenti b’investiment totali ta’ €800,000.
L-inawgurazzjoni tal-post il-ġdid saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, li ddeskriviet dan il-proġett bħala xhieda ċara tar-rwol kruċjali li għandhom l-għaqdiet volontarji fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet. Hija spjegat kif dan ir-radju komunitarju, minbarra li jwassal informazzjoni dwar il-ħidma tal-Għaqda Mużikali San Leonardu, iservi wkoll bħala mezz ta’ wens u kumpanija għal dawk li, minħabba ċ-ċirkostanzi, ma jkunux jistgħu jipparteċipaw b’mod regolari fil-ħajja komunitarja.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Għaqda Mużikali San Leonardu, Louis Zammit, irringrazzja lill-Ministru Farrugia għall-għajnuna mogħtija u spjega l-kontribut importanti tal-istazzjon fil-komunità Koppina. Huwa qal li r-riallokazzjoni tar-radju kienet tirrikjedi investiment ġdid fl-infrastruttura, sabiex l-istazzjon ikun jista’ jkompli jopera b’faċilitajiet aktar moderni u b’aktar kumdità. Il-proġett kien jinkludi l-bini ta’ studio ġdid mgħammar bl-aċċessorji u l-għamara kollha meħtieġa.
Huwa temm jgħid li dan il-proġett mhux biss jirrifletti spirtu qawwi ta’ volontarjat, iżda se jservi wkoll bħala inċentiv għal aktar ħidma volontarja fi ħdan il-komunità Koppina.
Ritratti: MIV










