L-industrija tal-films f’Malta ġġenerat madwar €1.5 biljun fl-ekonomija nazzjonali u sostniet aktar minn 15,000 impjieg tul l-aħħar tmien snin. Dan ħabbru l-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, fejn spjega li dawn iċ-ċifri juru bidla strutturali f’settur li għal aktar minn 90 sena kien jaħdem b’mod staġjonali u limitat.
Skont Grech, illum l-industrija tal-films topera matul is-sena kollha, toħloq fluss kontinwu ta’ xogħol u investiment, u tħalli impatt li jmur lil hinn mill-istudios. F’dan il-perjodu nħadmu f’Malta madwar 200 produzzjoni internazzjonali, b’baġit ta’ €730 miljun.
Il-Kummissarju spjega li l-investiment li daħal minn barra nfirex fl-ekonomija kollha, u minnu gawdew setturi bħall-lukandi, ir-ristoranti, it-trasport, l-akkomodazzjoni, is-snajja’ u s-servizzi tekniċi. Huwa enfasizza wkoll li l-investiment pubbliku fis-settur irriżulta f’erba’ darbiet aktar dħul milli nefqa, fatt li juri rendiment ċar u mkejjel.
Grech iddeskriva l-industrija tal-films bħala mutur ekonomiku importanti li qed jikkontribwixxi b’mod konkret għat-tkabbir u l-prosperità tal-pajjiż. Fl-istess waqt, irrefera għall-proġett tal-Malta Film Studios, li se jinkludi l-ewwel “Land-Sea Super Stage” fid-dinja, u li miegħu se tissaħħaħ l-ambizzjoni li Malta jkollha industrija tal-films ta’ livell internazzjonali.
Hu temm jgħid li, permezz ta’ investiment barrani f’dan il-proġett, Malta qed tħejji ruħha għall-mitt sena li ġejjin u qed toħloq garanzija ta’ karrieri sostenibbli fil-films għall-Maltin u l-Għawdxin.








