Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Università ta’ Malta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ħabbar it-tnedija ta’ borża ta’ studju għal Dottorat li se tiffoka fuq in-nuqqas ta’ vista. Il-proġett ta’ riċerka huwa ffinanzjat mill-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA) u se jiffoka b’mod partikolari fuq it-tfal u l-adolexxenti neqsin mid-dawl u l-familji tagħhom, b’enfasi fuq l-esperjenzi ta’ ħajja, id-dimensjoni soċjali u d-drittijiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li r-riċerka hija strument kruċjali biex nifhmu aħjar ir-realtajiet li jaffaċċjaw il-persuni b’diżabilità. Huwa enfasizza li l-esperjenzi tagħhom ma jiġux iffurmati biss mill-kundizzjoni nnifisha, iżda wkoll mill-kuntest soċjali li fih jgħixu, li jista’ jew jiffaċilita l-inklużjoni jew joħloq ostakli u nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs. Huwa fakkar li d-diżabilità hija kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali, u li r-riċerka għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.
Azzopardi Tanti rrefera wkoll għall-avvanzi li għamlet Malta fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, fosthom il-Liġi dwar Opportunitajiet Indaqs u l-Att dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li llum huma parti mil-liġi Maltija. Dawn l-isforzi, immexxija mill-Ministeru għall-Inklużjoni u ggwidati mill-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, jissottolinjaw l-obbligu tal-Istat li jappoġġja inizjattivi ta’ riċerka bbażati fuq l-evidenza sabiex il-politika pubblika tkun tassew inklussiva.
Il-proġett ta’ Dottorat se jitwettaq taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fil-Fakultà għall-Benesseri Soċjali tal-Università ta’ Malta. Huwa mistenni jikkumplimenta studji eżistenti bħall-Malta Eye Study, kif ukoll riċerka li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation bħala parti mill-Vision Project tagħha. Ir-riżultati mistennija jidentifikaw lakuni fis-servizzi, bżonnijiet ta’ sapport u opportunitajiet għal żvilupp ta’ politika f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjieg, l-inklużjoni fil-komunità u l-għajxien indipendenti.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie Louise Coleiro Preca, saħqet fuq il-ħtieġa ta’ riċerka li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u li tagħti vuċi lill-esperjenzi reali ta’ persuni neqsin mid-dawl u tal-familji tagħhom. Hija qalet li riċerka bbażata fuq l-evidenza u fuq id-drittijiet tal-bniedem tgħin biex jiġu identifikati b’mod ċar il-bżonnijiet ta’ sapport u kif jistgħu jissaħħu s-servizzi u l-politiki sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja u tinbena soċjetà aktar ġusta u inklussiva.
Il-Professur Anne Marie Callus, li se tkun qed tiggwida dan il-proġett akkademikament, spjegat li riċerka b’dan il-fokus tista’ twassal għal fehim aktar profond tal-esperjenzi ta’ tfal u adolexxenti neqsin mid-dawl u tal-familji tagħhom. Hija enfasizzat li studji bħal dawn huma essenzjali biex jiġu identifikati kemm il-prattiki tajbin kif ukoll l-isfidi li għadhom jillimitaw il-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà, u li l-għarfien miksub se jikkontribwixxi għal servizzi aħjar u politiki aktar sensittivi u inklussivi.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur riċerka ta’ kwalità li tappoġġja l-politika pubblika, tippromwovi l-inklużjoni soċjali u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom. Din hija l-ewwel waħda minn sensiela ta’ inizjattivi ta’ riċerka li se jitħabbru matul is-sena l-ġdida.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja d-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fl-Università ta’ Malta fuq [email protected].











