Il-ktieb INĦOBBKOM, li jfakkar u jiċċelebra l-ħajja u l-ħidma ta’ Monsinjur Victor Grech, reġa’ ġie stampat wara li l-ewwel 1,000 kopja tiegħu nbigħu kollha fi żmien xahar biss. Minħabba d-domanda qawwija mill-pubbliku, kien hemm il-ħtieġa li jsir stampar ieħor f’ammont akbar, li sar possibbli grazzi għas-sapport ta’ sponsor.
PG Group, li jinkludi fi ħdanu lil Pavi-Pama, Zara u Zara Home, ħa fuqu l-ispejjeż tal-istampar ta’ 2,000 kopja oħra ta’ din il-pubblikazzjoni. Dan l-appoġġ finanzjarju qed jippermetti li jintlaħaq l-interess kontinwu tal-pubbliku għal dan il-ktieb, filwaqt li d-dħul kollu li jinġabar minnu se jmur b’risq Caritas Malta, biex tkompli toffri s-servizzi tagħha bla ħlas lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
PG Group huma magħrufa bħala fost l-akbar sostenituri ta’ Caritas Malta. Fil-fatt, kull sitt xhur Caritas Malta tirċievi dividendi mingħand PG Group, li normalment ikunu ddedikati għal proġetti speċifiċi. L-għajnuna biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-istampar tal-ktieb tirrappreżenta kontribuzzjoni addizzjonali minn PG Group lejn Caritas Malta.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, qal li d-domanda kbira għall-ktieb turi b’mod ċar l-imħabba u r-rispett li l-pubbliku għadu jġorr lejn Monsinjur Victor Grech. Huwa spjega li Caritas ħasset responsabbiltà li tipprovdi l-ktieb lil dawk kollha li xtaqu jakkwistawh, u għalhekk fittxet sponsor biex ikun possibbli stampar ieħor. Hu żied jgħid li, malli kkuntattja lil PG Group, dawn mill-ewwel aċċettaw li jappoġġjaw l-inizjattiva, biex b’hekk tkompli tinżamm ħajja l-memorja kollettiva ta’ Dun Victor. Fl-istess waqt, huwa rringrazzja lill-isponsors għall-appoġġ kontinwu tagħhom.
F’din l-okkażjoni, id-Direttur ta’ Caritas Malta ppreżenta kopja tal-ktieb INĦOBBKOM lis-Sur Malcolm Camilleri, il-CEO ta’ PG Group.
Min-naħa tiegħu, Malcolm Camilleri rringrazzja lil Caritas Malta u sostna li hu ta’ unur u privileġġ għall-kumpanija li tappoġġja lil Caritas, peress li temmen bis-sħiħ fil-ġid kbir li Monsinjur Victor Grech ta lis-soċjetà Maltija. Huwa qal li permezz ta’ din il-pubblikazzjoni qed jinżamm ħaj il-legat tiegħu.
Il-ktieb INĦOBBKOM jista’ jinkiseb mill-ħwienet kollha tal-Agenda Bookshop u minn libreriji ewlenin, għal donazzjoni ta’ €30.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: http://caritasmalta.org








