Fl-1832 għamlet tant xita li saħansitra beda jsir it-talb biex tieqaf. Ħafna nies bdew jemmnu li din ix-xita kbira kienet ġejja mill-fatt li l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta kienet ittieħdet lejn raħal ieħor, u minflokha ġiet imġieba l-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja.
Meta l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu reġgħet inġabet lura l-Belt, kompla jsir it-talb, iżda t-temp ma nbidilx u x-xita baqgħet nieżla. Il-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu superstizzjużi ħafna.
Dan josservah ukoll l-Iskoċċiż James Anton, li wasal Malta fl-istess sena biex iservi fir-Royal Highland Regiment. Hu kiteb l-impressjonijiet tiegħu dwar Malta fil-ktieb li ħareġ fl-1846, A Military Life during the Most Eventful Period of the Late War. F’dan kien qed jirreferi għall-gwerra kontra Napuljun tal-1813, li hu ħa sehem fiha fi Spanja, u dik tal-1815 f’Waterloo.
M’għandhomx biex jindifnu
James Anton jiddeskrivi l-faqar kbir li ra waqt li kien Malta, fejn il-foqra mhux biss ma kellhomx biex jgħixu, iżda lanqas biex jindifnu. Kien isir ġbir ta’ flus għalihom, iżda dawn ma kinux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż ta’ liżar biex ikeffnuhom u ta’ tebut biex jidfnuhom fih.
Hu jirrakkonta li ra b’għajnejh stess dfin barra l-Belt Valletta, fejn il-katavru kien jinġarr f’kaxxa sewda kbira tal-istrumenti tad-daqq. Din kienet tinfetaħ, u l-katavru jitqiegħed fil-ħofra bil-biċċiet ta’ drapp li kellu fuqu f’ħajtu u fil-mewt. Imbagħad jitfgħu l-ħamrija fuqu. Lit-trabi u lit-tfal li jmutu kienu jħalluhom fuq il-munzell tat-trab ħdejn il-qabar, mingħajr ma jitfgħuhom fil-ħofra u jerdmuhom. Min-naħa l-oħra, is-sinjuri kienu jindifnu fil-kripti taħt il-knejjes.
Il-faqar tort tal-fqar
James Anton kien jikteb dwar il-pajjiżi li għex fihom bħala suldat. L-uffiċjali u l-kapijiet tiegħu kienu jirreferu għalih bi stmerrija bħala “l-bidwi Skoċċiż”, għax kien iħares lejn il-ħajja mill-perspettiva tal-foqra, minn taħt, u kien jikkritika lil dawk li kellhom il-flus u l-poter.
Meta jikteb dwar il-ħafna tallaba mimlijin qamel li kien jara madwaru, jgħid li, skont hu, il-faqar kien tort tal-Maltin stess. Jgħid li kienu jemmen li aħjar ikollhom ftit flus iżda ikel irħis, u li jippreferu ma jaħdmux u jittalbu minflok jaqilgħu x’jieklu bix-xogħol tagħhom.
Fi żmien James Anton, il-mentalità ta’ dawk li kienu jmexxu r-Renju Unit u ta’ ħafna mis-sinjuri kienet li l-faqar kien jinħoloq mill-foqra nfushom, għax kienu meqjusa bħala għażżenin, sakranazzi u jgħixu ħajja immorali.
Minn Evarist Bartolo
Ritratt prinċipali tal-artiklu: Net News Portal










