Ġie ppubblikat ktieb ġdid bit-titlu Bormla and its Tourism Potential, mill-Osservatorju dwar it-Turiżmu f’Malta, li jpoġġi fid-dawl il-wirt storiku u kulturali rikk ta’ Bormla, filwaqt li jenfasizza l-opportunitajiet li din il-belt toffri għal turiżmu sostenibbli u ta’ kwalità.
Il-pubblikazzjoni, miktuba mill-Professur Godfrey Baldacchino, l-Inġinier Paul R. Micallef u Dr John Vella, ġiet imnedija nhar il-Ġimgħa waranofsinhar fil-Kunsill Lokali ta’ Bormla mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg. Dan il-ktieb huwa l-aktar wieħed reċenti f’serje ta’ studji ppubblikati mill-Osservatorju fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), bil-għan li jinkoraġġixxu żvilupp turistiku aktar intelliġenti, sostenibbli u reżiljenti.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg qal li din il-pubblikazzjoni tifforma parti mill-viżjoni strateġika biex jiġu valorizzati u mħarsa n-narrattivi u l-kulturi uniċi tal-lokalitajiet Maltin, u biex dawn jiġu integrati fl-offerta turistika tal-pajjiż permezz ta’ esperjenzi awtentiċi u memorabbli. Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-kunsilli lokali u lill-imsieħba l-oħra sabiex jiżviluppaw inizjattivi turistiċi ta’ valur għoli.
It-tliet awturi, kollha b’rabta diretta ma’ Bormla, jindirizzaw diversi temi fosthom ir-raġunijiet għaliex Bormla jistħoqqilha aktar rikonoxximent, ir-rwol tar-reliġjon u tal-pellegrinaġġi, in-niċeċ u l-monumenti fit-toroq, kif ukoll il-wirt militari u aspetti soċjali, kulturali u industrijali oħra. Il-ktieb jinkludi wkoll kapitlu ddedikat għall-fehmiet tar-residenti dwar il-futur tat-turiżmu f’Bormla, flimkien ma’ mappa, logħba tat-tfittxija għat-teżor u diversi rotot għall-mixi.
Is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, iddeskriva l-pubblikazzjoni bħala pass importanti għall-belt, hekk kif qed tingħata rikonoxximent akkademiku għall-potenzjal turistiku tagħha. Huwa nnota li dan iżid ir-responsabbiltà fuq il-Kunsill Lokali biex ikompli jsaħħaħ u jippromwovi dak kollu li toffri Bormla.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Osservatorju u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, faħħar din l-inizjattiva u qal li pubblikazzjonijiet bħal dawn juru li diversi lokalitajiet Maltin, fosthom Bormla, għandhom potenzjal kbir biex jintegraw ruħhom fl-industrija tat-turiżmu b’mod sostenibbli.
Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA u editur tas-serje ta’ pubblikazzjonijiet tal-Osservatorju, Leslie Vella, spjega li numru limitat ta’ kopji stampati se jitqassmu lil libreriji u uffiċċji relevanti, filwaqt li l-ktieb – flimkien ma’ pubblikazzjonijiet oħra – jista’ jitniżżel mingħajr ħlas mis-sit elettroniku tal-Osservatorju.
Għat-tnedija attendew ukoll il-Membru Parlamentari minn Bormla Chris Agius, l-Arċipriet tal-parroċċa l-Kanonku Anton Cassar, kunsilliera, mistednin distinti mill-lokalità, kif ukoll membri tal-bord tal-Osservatorju u uffiċjali tal-MTA.
Ritratti: DOI/MFT












