Numru ta’ anzjani ħadu sehem f’laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-ħolqien ta’ parks nazzjonali f’pajjiżna, b’enfasi partikolari fuq iż-żona tal-White Rocks.
Il-laqgħa, immexxija mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mat-tim ta’ Project Green, tifforma parti minn sensiela ta’ laqgħat organizzati taħt it-tema ‘Shape your Space’. Dawn il-laqgħat qed isiru bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-parks nazzjonali proposti fil-White Rocks, Fort Campbell u Manoel Island.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-għan ewlieni huwa li jinstemgħu l-fehmiet ta’ kulħadd. Spjegat kif matul din il-laqgħa l-anzjani qasmu memorji u esperjenzi li jmorru lura għaż-żmien meta dawn l-akwati kienu jintużaw bħala barracks mill-Ingliżi. Hija ħeġġet lill-pubbliku kollu biex jipparteċipa f’dan il-proċess sabiex dawn l-ispazji verament ikunu maħsuba għan-nies.
Matul id-diskussjoni, il-parteċipanti kellhom l-opportunità jaqsmu kemm stejjer tal-imgħoddi kif ukoll ideat dwar kif jixtiequ jaraw din iż-żona tiġi trasformata. Ġiet enfasizzata l-importanza ta’ dawn l-ispazji bħala postijiet komunitarji, fejn il-familji jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu ħin flimkien. Fost il-proposti li tressqu kien hemm li ż-żona tkun aċċessibbli bit-trasport marittimu, li tkun adattata għal kulħadd, kif ukoll li tinkludi faċilitajiet pubbliċi u żona ddedikata għall-klieb.
Fl-aħħar ġimgħat, Project Green intensifikat il-proċess ta’ konsultazzjoni billi organizza wkoll laqgħat maż-żgħażagħ, studenti tal-arkitettura u kunsilli lokali, sabiex jinġabru aktar ideat u suġġerimenti dwar dawn il-proġetti ambjentali.
Is-COO ta’ Project Green, Beverley Costa, qalet li l-aġenzija temmen bis-sħiħ fil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, miż-żgħir sal-kbir, biex proġetti ta’ din in-natura jkunu tassew mill-komunità u għall-komunità.
Il-konsultazzjoni pubblika tibqa’ miftuħa wkoll online fuq: https://parksinmalta.mt/have-your-say/











