Matul il-perjodu tal-Karnival se jkunu qed jittellgħu madwar 50 attività differenti f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, hekk kif id-Direttorat għall-Gvern Lokali qed ikompli jappoġġja finanzjarjament lill-Kunsilli Lokali sabiex jorganizzaw attivitajiet staġjonali fil-komunitajiet tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li spjegaw li għal din l-iskema ġew allokati fondi ta’ €250,000.
Intqal li l-Karnival huwa wieħed mill-eqdem u l-aktar avvenimenti kulturali popolari f’pajjiżna, li matulu toroq u pjazez jimtlew b’kuluri, mużika u briju, u jiġbed lejh familji sħaħ kif ukoll turisti li jżuru Malta apposta għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li din it-tradizzjoni tkompli ssaħħaħ is-sens ta’ komunità u l-identità kulturali tal-pajjiż. Huwa qal li l-attivitajiet ippjanati se joffru divertiment għal kulħadd u qed isiru grazzi għall-impenn kontinwu tad-Direttorat għall-Gvern Lokali li, għal darb’oħra, qed jassisti lill-Kunsilli Lokali biex iwasslu inizjattivi ta’ kwalità fil-lokalitajiet tagħhom.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li l-iskema għall-Karnival 2026 ġiet imnedija mill-ġdid sabiex tgħin lill-Kunsilli Lokali jippreservaw u jkomplu jsaħħu din it-tradizzjoni. Hija qalet ukoll li din l-inizjattiva hija allinjata mal-Viżjoni Malta 2050.
Zerafa Civelli żiedet tgħid li l-Gvern qed ikompli joħroġ skemi kulturali regolari sabiex jissaħħaħ il-ħidma tal-Kunsilli Lokali fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet staġjonali. Wara s-suċċess tal-attivitajiet tal-Milied, issa l-enfasi qed titpoġġa fuq il-Karnival, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu ċ-ċelebrazzjonijiet fil-lokalità tagħhom jew fil-viċinanzi. Minkejja li l-avvenimenti ewlenin jibqgħu jsiru fil-Belt Valletta u l-Furjana, din l-iskema qed tkompli tkattar il-parteċipazzjoni madwar Malta u Għawdex kollha.
Fost il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn din l-iskema hemm numru kbir ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex, fosthom Attard, Mosta, in-Naxxar, Birkirkara, il-Ħamrun, iż-Żejtun, Birżebbuġa, Marsaxlokk, ir-Rabat (Malta u Għawdex) kif ukoll diversi rħula Għawdxin.
Ritratti: DOI/MCLG











