Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, nieda l-inizjattiva Karta Festa 2026, programm imtella’ miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora u ispirat mit-tradizzjoni tal-Karnival Malti. It-tnedija, li saret f’maħżen tal-Karnival fil-Marsa, saħqet fuq ir-rabta bejn il-kreattività, l-artiġjanat u l-ispirtu komunitarju li jikkaratterizzaw kemm il-Karnival kif ukoll l-esplorazzjoni xjentifika.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza li Karta Festa hija inizjattiva li tgħaqqad ix-xjenza, is-sostenibbiltà u l-wirt kulturali Malti permezz ta’ esperjenzi prattiċi u aċċessibbli għal kulħadd. Huwa qal li dan il-programm jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li jinvesti fl-edukazzjoni xjentifika, fil-kreattività u fl-innovazzjoni bħala pilastri essenzjali għall-futur tal-pajjiż. Huwa żied li, billi l-ħsieb xjentifiku qed jiġi integrat fit-tradizzjonijiet kulturali, qed jinħolqu opportunitajiet ġodda biex iż-żgħażagħ u l-familji jinvolvu ruħhom fix-xjenza b’mod inklussiv u marbut direttament mal-identità u l-valuri Maltin.
Imnebbaħ mill-arti u t-tekniki użati fil-karrijiet tal-Karnival, Karta Festa 2026 joffri programm varjat li jinkludi wirjiet tax-xjenza live, workshops kreattivi u attivitajiet interattivi miftuħa għall-etajiet kollha. Fost l-attivitajiet ewlenin hemm wirja live dwar il-konservazzjoni tal-ilma u ċ-ċiklu tal-ilma, workshops prattiċi ffukati fuq ir-riċiklaġġ, it-tessuti u l-użu ta’ materjali sostenibbli, sessjonijiet ta’ rakkontar ta’ stejjer għal tfal iżgħar b’temi ambjentali u marittimi, kif ukoll attivitajiet kreattivi ta’ Science on the Spot fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jikkontribwixxu fid-disinn, il-bini u r-restawr ta’ elementi ispirati mill-Karnival.
Id-Deputat Direttur ta’ Esplora, Kiki Mizzi, qalet li l-Karnival huwa ċelebrazzjoni ta’ immaġinazzjoni, kuluri u artiġjanat. Hija spjegat li permezz ta’ Karta Festa, l-arti qed titqiegħed fiċ-ċentru tat-tagħlim, filwaqt li l-parteċipanti jiġu mħeġġa jesploraw id-disinn, il-forom u l-kreattività, u fl-istess ħin jiskopru kif il-proċessi artistiċi huma marbuta max-xjenza.
Karta Festa 2026 se ssir fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora bejn l-14 u s-17 ta’ Frar 2026, matul il-perjodu tal-Karnival. Il-programm se joffri lill-familji opportunità unika biex jesperjenzaw ix-xjenza permezz ta’ waħda mill-aktar tradizzjonijiet kulturali vibranti ta’ Malta. Aktar dettalji dwar il-programm u l-bookings se jitħabbru aktar ’il quddiem.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur www.esplora.org.mt
Ritratti: MEYR_PS/DOI










