Informazzjoni interessanti hija dik li tella’ Evarist Bartolo fuq il-paġna tal-midja soċjali tiegħu dalgħodu. Bartolo jirriċerka dwar il-mod t’għixien f’pajjiżna lura fiż-żmien, anke saħansitra dik riċenti.
Bartolo spjega kif meta żagħżugħ nobbli kien jasal Malta, lejn tmiem is-seklu sbatax, biex isir Kavalier tal-Ordni, Kavalieri aktar kbar minnu kienu jiżżuffjettaw bih u jsejħulu “il-Prinċep ta’ Filfla” biex ma tikbirlux rasu u ma jaħsibx li hu xi ħaġa speċjali. Riduh jifhem li kien għadu fadallu ħafna x’jaqdef biex ikun aċċettat bħala Kavalier u biex jitla’ t-tarġiet tas-sellum li jwassluh għal ħatriet ogħla.
Fil-ktieb tiegħu Nobility, Faith and Masculinity (Continuum, 2011), Emanuel Buttigieg jgħid li mod kif Kavallier kien juri li hu “raġel ta’ veru” kien billi jkun vjolenti u jirbaħ fuq sħabu billi jibżgħu minnu. Il-Kavallieri kienu jġorru l-armi u kienu lesti jużawhom kemm kontra Kavalieri oħra kif ukoll kontra l-Maltin.
Passatempi vjolenti
Ħafna mill-passatempi tal-Kavallieri kienu vjolenti, u niltaqgħu ma’ bosta episodji fejn kienu jidduellaw u jiġġieldu b’mod brutali: itajru s-snien ta’ xulxin, jinfdu lil xulxin bi stalletti u anke jistupraw lin-nisa.
Buttigieg jirrakkontalna kif f’Diċembru tal-1611 Kavallieri Franċiżi għamlu mħatra bejniethom min kien kapaċi jispara u jolqot kelb li rabtuh ma’ siġra biex ma jkunx jista’ jiċċaqlaq. Kavallier sparalu, laqtu, iżda ma feriehx. Intqal li xi ħadd għamel seħer fuq il-kelb biex il-balal ma jagħmlulu xejn.
Vjolenza fuq in-nisa
Fl-1580 sitt Kavalieri attakkaw lil Giasmina Calleja: farkulha l-bieb u t-twieqi tad-dar bil-ġebel u sawtuha b’mod krudili tant li ħallewha mgħarrqa bid-demm. F’Maltese Women in the Books of the Knights (The Sunday Times of Malta, 4 ta’ Ottubru 2020), Giovanni Bonello jgħid li l-uniku kastig li qalgħu kien li tilfu tliet snin anzjanità, u għalhekk waslu iżjed tard għal ħatriet ogħla fl-Ordni. Hu jsemmi wkoll bosta episodji oħra ta’ vjolenza.
Fl-1536 tkeċċa mill-Ordni l-Kavallier Britanniku Sir Christopher Myres, għax qatel b’mod selvaġġ u krudili prostituta li kellha diżabilità mentali. Hu laħaq ħarab minn Malta qabel ma ġie arrestat. Fl-1546 il-Kavalier Fra Domenic Bae ntbagħat sena l-ħabs u kellu jħallas multa ta’ 20 skud għax qabbad lil xi ħadd isawwat u jweġġa’ lil ċerta Annuccia, li wara kellha bżonn kura medika.
Tliet snin wara, il-Kunsill tal-Ordni bagħat lill-Kavallier Fra Giacomo Filippo Minighi l-ħabs talli daħal bil-forza f’dar ta’ mara biex jistupraha, waqt li s-seftur tiegħu faqa’ wiċċ is-seftura tal-mara b’ġebla meta ppruvat taqbeż għas-sinjura tagħha.
Ħtif u stupru
Il-Kavallier Sir Oswald Massingberd, li spiss kien jikser il-liġi, daħal bil-forza fid-dar tan-nobbli Paolo Fiteni fl-Imdina, weġġgħu, u ħataf bi vjolenza lis-seftura tiegħu u lil bintha u ħadhom miegħu. Ġie ordnat jirritornahom u jibqa’ arrestat f’daru għal xahrejn. Il-Kavallieri Fra Adrien de Lugny u Fra Claude Constant ġew ikkastigati talli attakkaw b’mod vjolenti lil Constantia Venturina.
Il-Kavallier Fra Giovanni de la Porta ntbagħat sena ħabs, fuq ħobż u ilma, talli stupra lill-mara ta’ Pietro Clarini u waddab il-ġebel lejn il-bieb u t-twieqi tad-dar tagħha.








