Fil-jiem li ġejjin se jibdew ix-xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr ta’ ħames pitturi storiċi tal-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Bambina fin-Naxxar. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, hekk kif il-proġett se jkun sostnut permezz ta’ fondi Ewropej.
Il-Ministru kien akkumpanjat minn rappreżentanti tal-GAL Majjistral u tal-Għaqda Kulturali Wirt Naxxar, li se jikkollaboraw flimkien biex ix-xogħol jitwettaq b’mod professjonali u skont l-ogħla kriterji ta’ konservazzjoni.
Il-proġett jinkludi r-restawr ta’ ħames pitturi tal-Via Sagra li jmorru lura għas-seklu tmintax. L-intervent se jkopri t-tindif, l-istabbilizzazzjoni u l-konservazzjoni tal-pitturi, kif ukoll ir-restawr tal-gwarniċi oriġinali tagħhom fl-istil Rokokò. Ix-xogħlijiet se jsiru minn esperti sabiex tinżamm l-awtentiċità u l-valur storiku ta’ dawn l-opri, biex ikomplu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan il-proġett qed jiġi implimentat taħt il-Programm LEADER u għandu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-wirt kulturali u reliġjuż, filwaqt li jkompli jkabbar is-sens ta’ identità u appartenenza fil-komunità tan-Naxxar.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan l-investiment juri kif il-fondi Ewropej qed jintużaw b’mod konkret biex jissaħħaħ il-wirt storiku u spiritwali tal-pajjiż. Huwa saħaq li dawn l-inizjattivi mhux biss jipproteġu l-memorja kollettiva tagħna, iżda jagħtu wkoll spazju importanti lill-għaqdiet lokali u volontarji biex ikunu protagonisti fil-ħarsien tal-kultura.
Huwa żied jgħid li l-Gvern jibqa’ kommess li jara li l-fondi Ewropej jaslu fil-komunitajiet, speċjalment f’proġetti li joħolqu impatt pożittiv u sostenibbli fil-lokalitajiet Maltin.
Min-naħa tiegħu, Victor Zammit mill-Għaqda Kulturali Wirt Naxxar qal li dan il-proġett għandu valur kbir għall-komunità, kemm minħabba l-importanza artistika kif ukoll dik storika tal-pitturi tal-Via Sagra.
L-Għaqda Kulturali Wirt Naxxar hija organizzazzjoni volontarja li taħdem favur il-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt tan-Naxxar u tmexxi wkoll il-Mużew tal-Knisja Parrokkjali, li huwa miftuħ għall-pubbliku mill-Erbgħa sal-Ħadd.
- Minister for European Funds and the Implementation of the Electoral Programme Stefan Zrinzo Azzopardi – EU-funded restoration of paintings.
- Minister for European Funds and the Implementation of the Electoral Programme Stefan Zrinzo Azzopardi – EU-funded restoration of paintings.
- Minister for European Funds and the Implementation of the Electoral Programme Stefan Zrinzo Azzopardi – EU-funded restoration of paintings.











