Għall-erbattax -il sena konsekuttiva se jerġa’ jsir il-Festival Agape, inizjattiva kulturali u mużikali li tiffoka fuq il-valur artistiku, storiku u spiritwali marbut mar-Rabat. Il-festival, organizzat mill-Fondazzjoni Paulus u taħt il-patronċinju tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, għandu l-għan li jqarrab il-wirt kulturali lejn il-komunità b’mod aktar miftuħ u inklussiv.
Il-Festival Agape, li se jittella’ bejn it-23 ta’ Jannar u l-21 ta’ Frar, juri b’mod ċar kif il-volontarjat jista’ jkun forza pożittiva fil-bini ta’ komunitajiet aktar parteċipattivi. Numru ta’ voluntiera jaħdmu b’impenn sabiex l-attivitajiet ikunu aċċessibbli mhux biss għall-pubbliku ġenerali, iżda wkoll għal persuni b’diżabbiltà, biex kulħadd ikun jista’ jgawdi mill-wirt mużikali u storiku tar-Rabat.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia sostniet li inizjattivi bħal dawn isaħħu l-viżjoni tal-Gvern li jpoġġi l-inklużjoni u l-volontarjat fil-qalba tal-politika kulturali. Hija qalet li meta l-kultura ssir mezz ta’ parteċipazzjoni attiva, speċjalment għal persuni b’diżabbiltà, inkunu qed nibnu soċjetà aktar magħquda u ġusta. Żiedet li l-ħidma tal-voluntiera tmur lil hinn minn kontribuzzjoni kulturali, għax issaħħaħ l-identità u l-koeżjoni soċjali tal-komunità.
Permezz tal-Festival Agape, il-volontarjat iservi bħala rabta bejn il-kultura u l-inklużjoni, u joħloq spazji ta’ tagħlim, parteċipazzjoni u tkabbir personali għal kulħadd.
Il-programm jinkludi taħdidiet, attivitajiet artistiċi u żjarat gwidati f’siti storiċi tar-Rabat, imfassla biex iħeġġu l-involviment ta’ persuni vulnerabbli u fl-istess ħin isaħħu s-sens ta’ solidarjetà u responsabbiltà soċjali fost il-voluntiera u l-komunità.
Il-mument ewlieni tal-festival se jkun il-kunċert mill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta fil-Bażilika ta’ San Pawl fis-6 ta’ Frar.
Il-President tal-Fondazzjoni Paulus, Dr Mark Fenech Vella, spjega li l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi firxa ta’ attivitajiet kulturali. Huwa qal li se jkun preżenti Manos Vougioukas, Segretarju Ġenerali tan-Network Ewropew għat-Turiżmu Kulturali u koordinatur tal-Mixja Kulturali fil-Passi ta’ San Pawl, li se jagħti taħdita bħala parti mill-impenn tal-Fondazzjoni Paulus fi ħdan in-network pan-Ewropew.
Dr Fenech Vella żied li, minbarra l-kunċert tal-Orkestra Nazzjonali, se ssir ukoll il-preżentazzjoni ta’ ktieb ġdid dwar it-teoloġija Pawlina, segwita minn mużika fuq l-orgni Mascioni tal-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat.
Ritratti: MIV











