Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti attenda u indirizza ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ, li saret fil-Librerija Pubblika Ċentrali. Dan il-konkors, organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, ilu mill-2014 jagħti spazju lil awturi żgħażagħ biex jippubblikaw rumanzi bil-Malti, bil-għan li jkabbar l-imħabba għall-qari u l-espressjoni kreattiva fost iż-żgħażagħ.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari enfasizza li l-innovazzjoni ma titwieledx biss fix-xjenza jew fit-teknoloġija, iżda tibda mill-immaġinazzjoni u l-ħila li wieħed jaħseb b’mod differenti. Huwa qal li l-kitbiet ippreżentati f’dan il-konkors juru innovazzjoni soċjali, għax permezz tal-letteratura ż-żgħażagħ qed jesploraw emozzjonijiet, sfidi moderni u viżjonijiet għal futur aħjar. Żied jgħid li dawn l-inizjattivi huma investiment fl-iktar riżorsa importanti tal-pajjiż: il-kreattività u l-intelliġenza taż-żgħażagħ.
Ir-rebbieħ tal-edizzjoni tal-2025 kien Lon Kirkop bil-manuskritt Clone, li spikka għall-oriġinalità, l-iżvilupp tal-istorja, il-kwalità tal-lingwa u l-valur letterarju tiegħu. Għal din l-edizzjoni waslu erba’ manuskritti, wara sejħa li fetħet f’Jannar u għalqet f’Settembru, u ġew evalwati minn ġurija magħmula minn Rita Saliba, Noel Tanti u Wayne Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari sostna wkoll li meta ż-żgħażagħ jużaw il-Malti fil-kitba tagħhom, qed juru li l-lingwa tagħna hija moderna, ħajja u kapaċi tesprimi l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Huwa ħeġġeġ liż-żgħażagħ jagħmlu l-paġna bajda tagħhom spazju għall-ideat u l-viżjoni, għax Malta għandha bżonn il-kontribut tagħhom biex tkompli tikber bħala soċjetà.
Matul iċ-ċerimonja tkellmu wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, u ċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.
Miriam Teuma spjegat li dan il-konkors jallinja mal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ billi jsaħħaħ il-parteċipazzjoni, l-inklużjoni u l-ħsieb kritiku permezz tal-kreattività. Hija saħqet li l-letteratura għandha rwol importanti fl-iżvilupp personali taż-żgħażagħ u fil-bini ta’ ċittadini attivi u konxji.
Is-serata kienet tinkludi wkoll panel ta’ diskussjoni dwar il-kitba għaż-żgħażagħ, fejn ġew trattati temi bħall-istil letterarju, suġġetti sensittivi, id-drawwiet tal-qari u l-importanza tal-kotba bil-Malti. Fost il-parteċipanti kien hemm Trevor Żahra, David Aloisio, Josianne Block u Maria C. Borg, Youth Work Manager fl-Aġenzija Żgħażagħ.
Il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ ikompli juri l-impenn tal-Gvern biex joħloq opportunitajiet li jsaħħu l-lingwa Maltija, il-kreattività u l-espressjoni kulturali, filwaqt li jinkoraġġixxi kitba ta’ livell għoli li tirrifletti l-esperjenzi taż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-18-il sena.
Ritratti: DOI/MEYR_PS











