Il-Fondazzjoni Kottonera se tkun qed tkopri l-ispejjeż tat-trasport għall-ħarġiet edukattivi tat-tfal tal-iskejjel primarji pubbliċi tal-Kottonera. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, fil-preżenza tal-kapijiet tal-iskejjel, il-prinċipal tal-kulleġġ, is-sindki u l-kunsilliera responsabbli mill-edukazzjoni tal-lokalitajiet rispettivi.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva li se ttaffi l-piż finanzjarju fuq il-ġenituri u fl-istess ħin toffri aktar opportunitajiet edukattivi lit-tfal tal-Kottonera. Qalet li, apparti l-ħidma kulturali u ta’ restawr li twettaq il-Fondazzjoni, din qed tkompli tikkontribwixxi wkoll fil-qasam soċjali u edukattiv. Hija saħqet li l-Fondazzjoni Kottonera għandha rwol importanti fil-ħajja kulturali u soċjali tar-reġjun u qed tkompli ssaħħaħ il-Kottonera bħala destinazzjoni ta’ attrazzjoni f’Malta. Fl-istess waqt irringrazzjat lill-edukaturi kollha għall-impenn tagħhom.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Joe Mizzi spjega li l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu li jitnaqqsu l-ispejjeż fuq il-familji. Qal li, sa minn meta twaqqfet il-Fondazzjoni sitt snin ilu, dejjem ħadmet biex il-komunità tal-Kottonera tgawdi minn inizjattivi kulturali u soċjali li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Żied jgħid li t-trasport b’xejn għall-ħarġiet tal-iskejjel hu eżempju ċar ta’ kif il-Fondazzjoni qed tkun ta’ wens soċjali għall-familji tar-reġjun. Huwa temm jgħid li, id f’id mal-kunsilli lokali u l-għaqdiet, il-Fondazzjoni se tibqa’ taħdem għall-ġid tan-nies tal-Kottonera.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Margerita, Daniela Zammit, laqgħet b’sodisfazzjon din l-inizjattiva u rringrazzjat lill-Fondazzjoni Kottonera. Qalet li permezz tagħha ħafna tfal se jkunu jistgħu jkomplu jitgħallmu u jesperjenzaw ambjenti differenti permezz ta’ ħruġ edukattiv organizzat mill-iskejjel.
Minn dan il-benefiċċju se jgawdu l-iskejjel primarji tal-Birgu, Bormla, l-Isla u l-Kalkara, li kollha jagħmlu parti mill-istess kulleġġ.








