Dalgħodu tlaqqa’ l-ogħla forum tal-amministrazzjoni pubblika fejn ġew diskussi l-prijoritajiet tal-amministrazzjoni bħala rispons għall-effetti taċ-ċiklun li laqat lil pajjiżna lbieraħ. Għal dan il-forum, li tmexxa mill-Kap tas-Servizz Pubbliku s-Sur Tony Sultana, attendew is-segretarji permanenti ta’ kull ministeru u ġie mtenni li l-ewwel prijorità f’dan l-istadju hija li jitneħħew fejn hu possibbli l-perikli kollha li ġab miegħu l-maltemp kif ukoll li jsir tindif ġenerali kullimkien. Is-Sur Sultana enfasizza illi bħalissa kulħadd għandu jagħti s-sehem tiegħu sabiex l-amministrazzjoni taħdem flimkien għall-ġid komuni ta’ kulħadd skont il-prijoritajiet.
Wara din il-fażi ta’ tneħħija tal-perikli u ta’ tindif, l-amministrazzjoni se tkun qed tevalwa u tappoġġja lil min intlaqat b’mod negattiv mill-maltemp u lil min sofra mill-ħsarat. Dan billi ssir evalwazzjoni ta’ skemi eżistenti ta’ appoġġ kif ukoll li bħala amministrazzjoni pubblika tamministra dawn l-iskemi.
Fl-amministrazzjoni ta’ dawn l-iskemi wieħed irid iqis elementi varji fosthom ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u anke s-sostenibilità. Dan ukoll sabiex dawn l-iskemi jaħdmu b’mod kemm jista’ jkun ġust.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Tony Sultana rringrazzja lill-impjegati kollha tal-amministrazzjoni pubblika għaliex għal darba oħra reġgħu wrew kemm fil-mument tal-prova jkunu fuq quddiem tas-soċjetà. Huwa sostna li din hija prova oħra ta’ kemm l-investimenti li qed isiru mill-Gvern fl-amministrazzjoni huma apprezzati u qed iħallu l-frott.
Ritratt: The Report Company








