Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li matul l-2026, l-iskema Rock’n Malta se tkun qed tappoġġja 63 avveniment tal-mużika rock, li minnhom se jibbenefikaw madwar 1,800 artist lokali, b’investiment totali ta’ €1 miljun.
Il-fond, li huwa amministrat minn Festivals Malta, joffri sostenn lill-organizzaturi, promoturi, bands u artisti sabiex jinvestu fil-produzzjoni ta’ kunċerti u attivitajiet tagħhom, bil-għan li jkompli jitjieb u jissaħħaħ is-settur tal-mużika rock f’Malta.
Il-Ministru Bonnici sostna li dan l-investiment juri kemm il-Gvern jemmen fit-talent Malti. Qal li 63 avveniment u eluf ta’ artisti jfissru aktar opportunitajiet, xogħol kreattiv u ħajja kulturali aktar vibranti f’dan il-ġeneru li tant hu għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, spjega li kull sena l-fond jirċievi numru kbir ta’ applikazzjonijiet, fatt li juri kemm hemm bżonn u interess f’dan l-appoġġ. Huwa qal li Rock’n Malta jgħin biex jitellgħu avvenimenti ta’ livell għoli u li Festivals Malta se jkompli jinvesti biex jara aktar kunċerti rock ta’ kwalità minn artisti lokali u internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, spjega li minkejja li Rock’n Malta mhuwiex organizzat direttament mill-aġenzija, il-fond jippermettilha toffri kemm għajnuna finanzjarja kif ukoll pariri professjonali lill-organizzaturi u promoturi. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku jsegwi dawn l-avvenimenti u jappoġġja x-xena rock lokali.
L-avvenimenti li se jibbenefikaw minn Rock’n Malta se jsiru bejn Jannar u Diċembru tal-2026.
Għal aktar dettalji u lista sħiħa tal-benefiċjarji wieħed jista’ jżur festivals.mt/rocknmalta.











