Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, temm żjara ta’ jumejn fil-Prinċipat ta’ Monaco, fejn kellu laqgħat ta’ livell għoli mal-Ministru tal-Istat Christophe Mirmand, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Isabelle Berro-Amadeï, kif ukoll ma’ uffiċjali ewlenin oħra tal-gvern Monégask.
Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi oqsma ta’ interess komuni bejn Malta u Monaco, fosthom it-turiżmu, l-industrija tal-vapuri tal-passiġġieri, is-settur tal-jottijiet, l-ekonomija blu u l-innovazzjoni diġitali. Dr Borg esplora wkoll possibbiltajiet għal sħubijiet ġodda, kooperazzjoni fit-tisħiħ tal-ħiliet u l-għarfien, kif ukoll skambju ta’ esperjenzi u prattiċi tajbin bejn l-awtoritajiet u l-operaturi kummerċjali fiż-żewġ pajjiżi.
Dr Borg sostna li, minkejja d-daqs żgħir tagħhom, Malta u Monaco għandhom influwenza qawwija, speċjalment fis-settur marittimu, grazzi għall-pożizzjoni strateġika tagħhom fil-Mediterran u l-impenn lejn il-kwalità u s-sostenibbiltà. Huwa qal li din iż-żjara turi s-sħubija fit-tul bejn iż-żewġ stati u kif permezz tal-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni jistgħu jkomplu jirnexxu filwaqt li jħarsu l-identità, il-wirt u l-ambjent tagħhom.
Id-Deputat Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija ta’ Monaco, Pierre-André Chiappori, fejn saret preżentazzjoni dwar l-ekonomija tal-pajjiż bl-involviment ta’ diversi entitajiet, fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu u l-Konvenzjonijiet, il-Bord Ekonomiku ta’ Monaco, Cluster Yachting Monaco u Monaco Telecom.
Waqt iż-żjara ġie ffirmat Protokoll li jaġġorna l-Ftehim Bilaterali tal-2018 dwar il-Prevenzjoni tat-Taxxa Doppja u l-Evażjoni Fiskali bejn Malta u Monaco. Dan l-aġġornament jallinja l-ftehim mal-aħħar standards internazzjonali, isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u jintroduċi proċeduri aktar ċari biex tiżdied iċ-ċertezza kemm għall-kontribwenti kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa.
Id-delegazzjoni Maltija kellha wkoll taħditiet mal-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Ambjent u l-Iżvilupp Urban, Céline Caron-Dagioni, fejn ġew diskussi proġetti ambjentali u ta’ infrastruttura pubblika.
Fi tmiem iż-żjara, Dr Borg qal li permezz ta’ ħidma konġunta Malta u Monaco jistgħu jibqgħu jagħtu eżempju ta’ kif stati żgħar jistgħu jadattaw, jinnovaw u jirnexxu f’realtajiet ġeopolitiċi dejjem aktar imprevedibbli.
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u Monaco ġew stabbiliti uffiċjalment fil-11 ta’ April 2001.












