€1.5 miljun investiment mifrux fuq tliet snin
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar ir-riżultati tal-fond Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali tal-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-programm se jipprovdi sostenn finanzjarju lill-organizzazzjonijiet volontarji fis-setturi kulturali u kreattivi għal proġetti li se jitwettqu bejn l-2026 u l-2028, b’investiment totali ta’ €1.5 miljun fuq tliet snin.
Is-sejħa kienet miftuħa għal organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li għandhom il-kapaċità li jikkontribwixxu b’mod konkret għall-iżvilupp kulturali f’Malta. Permezz ta’ dan il-fond, l-organizzazzjonijiet se jingħataw appoġġ strutturat biex ikunu jistgħu jippjanaw, jiżviluppaw u jwettqu inizjattivi skont il-prijoritajiet tas-settur.
Il-Ministru Bonnici qal li dan l-investiment juri impenn ċar lejn aktar stabbiltà u kontinwità fis-settur kulturali. Spjega li l-programm jagħti lill-organizzazzjonijiet il-possibbiltà li jippjanaw fit-tul, minflok ma jiddependu biss fuq skemi qosra ta’ finanzjament.
Żied jgħid li dan l-approċċ jaqbel mal-Viżjoni Malta 2050, li tqiegħed il-kultura bħala parti essenzjali mill-iżvilupp soċjali u l-benesseri tal-komunità. Huwa saħaq li ekosistema kulturali b’saħħitha teħtieġ organizzazzjonijiet b’saħħithom, b’governanza tajba u ppjanar responsabbli, sabiex il-kultura tibqa’ aċċessibbli u msejsa fil-komunitajiet madwar Malta.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli feraħ lill-organizzazzjonijiet magħżula u spjega li r-riżultati huma frott ta’ proċess kompetittiv ibbażat fuq kriterji ċari, evalwazzjoni indipendenti u governanza tajba. Qal li ġew magħżula applikazzjonijiet li wrew viżjoni, impenn u potenzjal li jagħmlu differenza fil-qasam kulturali.
Dr Dalli sostna li kultura b’saħħitha teħtieġ libertà, integrità u strutturi sodi warajha. Qal ukoll li din l-inizjattiva tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet jinvestu aktar fil-kollaborazzjoni u fil-kwalità, filwaqt li turi kif il-finanzjament kulturali għandu jkun trasparenti u bbażat fuq il-mertu.
Is-sejħa kienet maqsuma f’żewġ fergħat: waħda ffukata fuq il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp organizzattiv, b’enfasi fuq il-governanza, l-ippjanar u s-sostenibbiltà, u oħra li tappoġġja inizjattivi kulturali rikorrenti li joħolqu opportunitajiet għall-artisti u jsaħħu l-involviment tal-udjenzi.
L-organizzazzjonijiet magħżula ġejjin minn diversi dixxiplini bħat-teatru, iż-żfin, l-arti viżiva u l-wirt kulturali, filwaqt li jippromovu d-diversità, id-drittijiet tal-artist u governanza tajba.
Għal aktar informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet magħżula wieħed jista’ jżur is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti: https://artscouncilmalta.gov.mt.












