42 għaqda kulturali b’parteċipazzjoni fil-Karnival 2026 qed jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju ġdid ta’ €160,000 permezz tal-Iskema ta’ Fondi għall-Għaqdiet Kulturali taż-Żgħażagħ. L-inizjattiva qed titwettaq mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħażagħ u Festivals Malta.
Din l-iskema tkompli ssaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fil-Karnival Malti, filwaqt li tinkoraġġixxi l-kreattività, l-espressjoni artistika u l-ħarsien tal-identità kulturali b’mod sostenibbli u inklussiv.
Il-fondi se jintużaw biex jgħinu lill-għaqdiet fil-produzzjoni ta’ kostumi, żfin, mużika u elementi artistiċi oħra relatati mal-Karnival 2026. B’dan l-appoġġ, l-għaqdiet jistgħu jinvestu aktar fil-kwalità, fl-innovazzjoni u fit-tisħiħ tat-talent lokali.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li din l-iskema hi konferma tal-importanza tal-Karnival bħala espressjoni kulturali u komunitarja ewlenija. Huwa sostna li l-Karnival jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet, isaħħaħ l-identità Maltija u joħloq spazju fejn it-tradizzjoni tiltaqa’ mal-innovazzjoni, filwaqt li rringrazzja lill-voluntiera u lill-artisti għall-ħidma kontinwa tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq il-bżonn li ż-żgħażagħ jingħataw ir-riżorsi biex ikomplu joħolqu u jinnovaw. Huwa qal li l-appoġġ mogħti huwa investiment fil-kreattività tagħhom u fil-futur tal-Karnival Malti, filwaqt li jsaħħaħ l-identità kulturali tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Għaqdiet Parteċipanti tal-Karnival Clint Axisa rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ kontinwu u faħħar il-ħidma tal-voluntiera u tal-għaqdiet kollha. Huwa qal li l-Karnival huwa frott ta’ xogħol li jsir tul is-sena kollha u li din l-iskema se tkompli tgħin biex jittejjeb il-livell artistiku u organizzattiv tal-parteċipanti.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ is-settur kulturali, jappoġġja l-volontarjat u joħloq aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod attiv f’avvenimenti kulturali nazzjonali bħall-Karnival.
Ritratti (DOI/MCLG-MEYR_PS)











