Il-Valletta Baroque Festival, imtella’ minn Festivals Malta, għalaq il-25 ta’ Jannar b’riżultat eċċellenti, wara li attira rekord ta’ madwar 6,500 spettatur minn Malta u minn pajjiżi oħra.
Minn meta fetaħ fit-8 ta’ Jannar, il-festival offra 32 kunċert li kienu apprezzati ħafna mill-pubbliku, u saħħaħ aktar ir-reputazzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aktar avvenimenti prestiġjużi fil-kalendarju kulturali Ewropew u punt ta’ riferiment għall-mużika Barokka u bikrija.
Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kenneth Zammit Tabona, l-14-il edizzjoni laqqgħet numru sabiħ ta’ artisti u ensembles Maltin u internazzjonali. Postijiet emblematiċi bħall-Konkatidral ta’ San Ġwann u t-Teatru Manoel kienu mimlija għal ħafna mill-kunċerti.
Il-programm offra xogħlijiet vokali u strumentali importanti, fosthom l-opra Barokka Pelopida ta’ Girolamo Abos, li ġiet skoperta riċentement u ppreżentata għall-ewwel darba f’dan il-festival. Fost l-artisti mistiedna kien hemm ismijiet magħrufa bħal Carmine Lauri, Charlie Siem, Niklas Liepe u t-Tenebrae Choir.
Il-Valletta Baroque Festival jiġi organizzat minn Festivals Malta flimkien mat-Teatru Manoel, bl-appoġġ ta’ Visit Malta u l-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, u bl-għajnuna ta’ Schweppes.
Aktar informazzjoni dwar il-festival u inizjattivi oħra tista’ tinkiseb fuq www.festivals.mt.
Ritratti: MCLG












