Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, appella biex Malta u pajjiżi kostali oħra jkomplu jsaħħu l-ħidma tagħhom kontra l-hekk imsejħa shadow fleet tar-Russja, sabiex is-sanzjonijiet internazzjonali jitwettqu b’mod effettiv.
Dr Borg kien qed jindirizza l-Konferenza Annwali tal-Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet fil-Belt Valletta, fejn saħaq fuq l-importanza ta’ infurzar koordinat u legali kontra prattiċi marittimi qarrieqa li jintużaw biex jiġu evitati s-sanzjonijiet, filwaqt li jiġi protett in-negozju leġittimu u r-rispett lejn il-liġi marittima internazzjonali.
Huwa fakkar fl-impenn ta’ Malta bħala Stat Membru tal-UE u tan-NU, kif ukoll bħala ġurisdizzjoni marittima responsabbli, biex tissaħħaħ is-superviżjoni, il-konformità u l-kooperazzjoni internazzjonali. Spjega kif l-iżviluppi ġeopolitiċi qed iżidu r-responsabbiltajiet ta’ Malta, speċjalment fid-dawl tal-aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-pakketti ta’ sanzjonijiet Ewropej.
F’dan il-kuntest, Malta kompliet tinvesti f’aktar monitoraġġ tal-vapuri, il-merkanzija tagħhom, is-sidien u l-użu tas-sistema AIS, biex prattiċi ta’ riskju għoli jitqiegħdu taħt skrutinju aktar qawwi. Ingħatat ukoll importanza lit-twaqqif taċ-Ċentru Globali għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi fil-Belt Valletta, li qed iservi bħala pjattaforma ta’ koordinazzjoni internazzjonali kontra l-mudell kummerċjali tax-shadow fleet.
Dr Borg faħħar ukoll lill-Bord ta’ Sorveljanza għax-xogħol tiegħu mal-awtoritajiet u mas-settur privat, appoġġjat minn tibdil leġiżlattiv fl-2025 biex il-qafas tas-sanzjonijiet ta’ Malta jibqa’ b’saħħtu u infurzabbli.
Huwa enfasizza r-rwol kruċjali tas-settur privat, mill-istituzzjonijiet finanzjarji sal-operaturi marittimi, tal-avjazzjoni, tal-gaming u tal-fintech, u qal li d-deċiżjonijiet ta’ kuljum tagħhom jaffettwaw direttament is-sigurtà u r-reputazzjoni ta’ Malta.
Aktar minn 250 parteċipant attendew għal din il-konferenza, li ġabet flimkien awtoritajiet, negozji u esperti internazzjonali taħt it-tema The Malta Sanctions Compliance Nexus 3.0: Compliance in Motion, Reform, Risk and Sector Resilience.
Ritratti (DOI/ODPM-MFT)











