Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali Emile Vassallo, ħabbru pakkett ta’ investiment għal diversi proġetti li se jitwettqu mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex.
L-għan ewlieni ta’ dawn l-inizjattivi huwa li tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-komunitajiet. Permezz ta’ din l-iskema, il-Kunsilli Lokali jippreżentaw huma stess proġetti li jindirizzaw il-bżonnijiet tar-residenti u jtejbu l-ambjent fejn jgħixu.
Għas-sena kurrenti ġew allokati kważi €3.2 miljun biex jitwettqu proġetti li jiffokaw fuq sostenibbiltà soċjali, aċċessibbiltà, inklużjoni, kwalità tal-arja u ħarsien ambjentali. Enfasi partikolari qed tingħata wkoll lis-saħħa fiżika u mentali u lill-ħolqien ta’ aktar spazji miftuħa fil-komunitajiet.
Zerafa Civelli spjegat li l-Gvern Lokali għandu rwol ċentrali biex jipprovdi servizzi u infrastruttura li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini. Qalet li din l-iskema, flimkien ma’ oħrajn, tkompli ssaħħaħ lill-Kunsilli Lokali biex iwettqu l-missjoni tagħhom u tmur id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, b’enfasi fuq żoni rikreattivi u faċilitajiet għall-familji.
Hija żiedet li l-allokazzjoni rekord turi l-impenn tal-Gvern lejn il-komunitajiet, filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali għax-xogħol tagħhom, anke waqt sitwazzjonijiet diffiċli bħall-maltempati riċenti.
Min-naħa tiegħu, Emile Vassallo qal li l-iskema tippermetti lill-Kunsilli Lokali jimplimentaw inizjattivi li jagħmlu l-komunitajiet aktar b’saħħithom, fosthom trasport b’xejn, titjib fl-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità u installazzjoni ta’ tagħmir għall-eżerċizzju f’postijiet pubbliċi.
B’kollox se jitwettqu 45 proġett, li minnhom 12 f’Għawdex. Dawn jinkludu żvilupp ta’ spazji miftuħa, tisbiħ, infrastruttura ġdida u xogħlijiet oħra li minnhom se jibbenefikaw direttament ir-residenti f’numru kbir ta’ lokalitajiet madwar iż-żewġ gżejjer.
Il-lokalitajiet li bbenifikaw minn dawn il-fondi huma, Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Mosta, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Għargħur, Ħal Lija, l-Imsida, is-Swieqi, il-Belt Valletta, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Floriana, Paola, Ħal Tarxien, ix-Xgħajra, Ħal Qormi, Birżebbuġa, il-Gudja, Ħamrun, Marsa, Marsaxlokk, Santa Luċija, Santa Venera, is-Siġġiewi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi, l-Imtarfa, il-Fontana, Għajnsielem, l-Għarb, Għasri, Ta’ Kerċem, il-Munxar, in-Nadur, il-Qala, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, Xewkija u ż-Żebbuġ Għawdex.











