Proprjetà pubblika li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġiet mogħtija b’kera ta’ ħmistax-il sena lill-għaqda mhux governattiva Inter Club Pupi Zanetti, biex tintuża bħala l-post uffiċjali tal-klabb għall-membri tiegħu. Dan l-ispazju se jintuża għal laqgħat, wiri ta’ logħbiet tal-futbol — b’enfasi fuq dawk tat-tim tal-Inter — kif ukoll għal attivitajiet soċjali u rikreattivi. Il-proprjetà tinsab f’Nru. 7, Triq l-Ifran, il-Belt Valletta.
Dan il-proġett jenfasizza r-rwol importanti tal-għaqdiet volontarji u sportivi fil-ħolqien ta’ komunitajiet b’saħħithom, attivi u magħqudin, filwaqt li jsaħħu s-sens ta’ appartenenza u identità kollettiva.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan hu eżempju ta’ kif proprjetà pubblika tista’ tintuża b’mod sostenibbli u b’valur soċjali, filwaqt li tinżamm ħajja l-identità storika u urbana tal-Belt Valletta. Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jappoġġja inizjattivi li jsaħħu t-tessut soċjali u kulturali ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella spjega li dan it-trasferiment juri l-impenn tal-Awtorità li tmexxi l-proprjetà pubblika b’responsabbiltà u b’viżjoni fit-tul, sabiex l-użu tagħha jkun ta’ ġid reali għall-komunità u jinkoraġġixxi l-volontarjat u l-isport.
Matul il-konferenza tkellmu wkoll leġġendi tal-Inter bħal Javier Zanetti, Danilo D’Ambrosio, Giuseppe Bergomi u Giuseppe Baresi, li faħħru dan il-pass bħala wieħed sinifikanti għall-klabb u l-partitarji tiegħu.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u minn Paul Fenech fil-kwalità tiegħu ta’ President tal-Inter Club Pupi Zanetti.










