Il-festival popolari tal-kanzunetta Maltija, Mużika Mużika, organizzat minn Festivals Malta, qed iħejji għas-sitt edizzjoni tiegħu li se tittella’ bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu 2026. Il-preparamenti daħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom, b’ħidma kontinwa mit-tim tal-produzzjoni, it-tekniċi u l-artisti biex kollox ikun lest għall-avveniment.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien ma’ Festivals Malta, ħabbar li l-biljetti issa huma disponibbli fuq is-sit www.muzikamuzika.mt. Huwa sostna li Mużika Mużika mhux biss kompetizzjoni, iżda pjattaforma li tiċċelebra l-kanzunetta Maltija u t-talent lokali, u li tul is-snin ħoloq wirt mużikali importanti, speċjalment fil-promozzjoni tal-lingwa Maltija.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li l-pubbliku jista’ jistenna spettaklu ta’ livell għoli, b’palk uniku, orkestra live u artisti kollha Maltin. Huwa fakkar li s-sena li għaddiet isegwu l-festival madwar 320,000 telespettatur u din is-sena l-aspettattivi huma li n-numru jiżdied.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, spjega li se jinżamm l-istess format tas-sena li għaddiet b’16-il kanzunetta finalista li se jindaqqu kemm fil-Ħamis kif ukoll fis-serata finali tas-Sibt, sabiex il-kanzunetti jingħataw aktar spazju u jgawduhom aktar l-udjenzi.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, qal li fil-Ħamis 19 ta’ Marzu l-votazzjoni tkun miftuħa għall-udjenza tas-sala flimkien mal-ġurija, filwaqt li fis-Sibt 21 ta’ Marzu jinfetaħ it-televoting kemm għas-sala kif ukoll għat-telespettaturi mid-djar. Il-preżentaturi ta’ din l-edizzjoni se jkunu Keith Demicoli, Ira Losco, Jacqui Losco u Jamie Cardona.
Id-Direttur Artistiku Paul Abela spjega li l-Ġimgħa 20 ta’ Marzu tkun iddedikata għas-Serata tal-Klassiċi, fejn diversi kantanti veterani jinterpretaw kanzunetti Maltin li jibqgħu għal dejjem f’qalb il-pubbliku.
Mużika Mużika se jixxandar live fuq it-televiżjoni fit-9pm fit-tliet ijiem tal-festival. Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti wieħed jista’ jsegwi l-paġni soċjali ta’ Mużika Mużika jew iżur is-sit uffiċjali www.muzikamuzika.mt.
Ritratti: DOI/MCLG












