Saret l-ewwel laqgħa fil-komunità bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-midja soċjali, fejn ħareġ ċar li hemm qbil wiesa’ dwar il-bżonn ta’ regolamentazzjoni aħjar biex ikunu mħarsa t-tfal u persuni vulnerabbli.
Il-laqgħa kienet immexxija mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, u fiha pparteċipaw ġenituri, żgħażagħ, anzjani, professjonisti soċjali, xandara, akkademiċi, NGOs u esperti oħra li qasmu l-esperjenzi u l-fehmiet tagħhom quddiem il-membri tal-kumitat tekniku.
Fost is-suġġetti prinċipali li tqajmu kien hemm l-aċċess tat-tfal għall-midja soċjali mingħajr superviżjoni, il-bżonn li l-ġenituri jkunu aktar infurmati, u r-rwol tal-algoritmi li jistgħu jinfluwenzaw u jimmanipulaw lill-utenti. Ħafna saħqu li r-riforma trid issir b’kawtela, filwaqt li oħrajn enfasizzaw l-importanza tal-edukazzjoni diġitali minn età żgħira.
Ġiet diskussa wkoll il-problema tal-bullying online u l-ħtieġa li s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal jitpoġġew qabel kull interess ieħor. Parteċipanti oħra sostnew li t-tfal għandhom ikollhom ħajja aktar attiva, b’sports u attivitajiet oħra, biex jitnaqqas il-ħin fuq il-midja soċjali.
Rebecca Buttigieg spjegat li din il-laqgħa tagħmel parti minn sensiela ta’ diskussjonijiet li qed isiru mal-partijiet ikkonċernati b’rabta mal-Green Paper li nieda l-Gvern. Hija qalet li filwaqt li Malta qed tħares lejn dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra u l-Unjoni Ewropea, ir-riforma trid tirrifletti wkoll ir-realtajiet lokali.
Is-Segretarju Parlamentari żiedet li l-kumitat qed jiġbor il-proposti kollha biex jitfassal rapport b’rakkomandazzjonijiet konkreti. Qalet li din hija riforma li tolqot lil kulħadd u li, għalkemm il-midja soċjali għandha wkoll aspetti pożittivi, hemm bżonn tittieħed azzjoni ċara.
Hija rringrazzjat lil dawk kollha li ħadu sehem u ħeġġet lill-pubbliku jkompli jikkontribwixxi, waqt li assigurat li l-għan tal-Gvern mhuwiex li jillimita l-libertà tal-espressjoni, iżda li jipproteġi lit-tfal u lill-aktar persuni vulnerabbli.
Il-laqgħa li jmiss se ssir fl-4 ta’ Frar f’Pjazza 1902, Pembroke, filwaqt li s-sottomissjonijiet bil-miktub jistgħu jintbagħtu permezz tas-sit www.publicconsultation.gov.mt
Ritratti: OPM_PS










