Il-President ta’ Malta, L-E.T. Myriam Spiteri Debono, laqgħet lis-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, il-Kardinal Pietro Parolin, għal laqgħa ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Matul iż-żjara, il-Kardinal Parolin għadda s-sliem u l-awguri tal-Papa Ljun XIV u esprima sodisfazzjon dwar ir-relazzjoni u l-koperazzjoni tajba li teżisti bejn Malta u s-Santa Sede. Huwa faħħar ukoll il-kontribut ta’ Malta fil-fora internazzjonali u l-ħidma tagħha favur il-paċi, il-ġustizzja u r-rispett lejn id-dritt.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq is-sitwazzjoni internazzjonali, inklużi l-kunflitti li qed iseħħu bħalissa u l-isfidi globali, b’enfasi fuq l-importanza tad-djalogu, il-fratellanza u r-riforma tas-sistemi multilaterali bħan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-President qalet li Malta se tkompli taħdem biex tindirizza l-kawżi ewlenin tal-kunflitti u tibqa’ impenjata favur il-paċi u r-responsabbiltà lejn il-komunità internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, tenna l-impenn fit-tul ta’ Malta lejn il-multilateraliżmu, filwaqt li saħaq fuq il-bżonn ta’ riforma u ta’ approċċ realistiku fid-dawl tar-realtajiet ġodda fid-dinja. Huwa qal li l-politika barranija ta’ Malta tibqa’ ffukata fuq id-djalogu, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-promozzjoni tal-paċi.
Iż-żewġ naħat qablu li minkejja l-isfidi globali, hemm il-ħtieġa ta’ ħidma kontinwa favur il-ġid komuni, il-paċi u r-responsabbiltà kollettiva.
Għal-laqgħa kien preżenti wkoll l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.













