Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien ma’ Festivals Malta ħabbru l-programm tal-Karnival ta’ Malta għall-2026. Din is-sena, il-Karnival se jsir bejn it-13 u s-17 ta’ Frar, prinċipalment fil-Belt Valletta u l-Floriana.
Il-Ministru Bonnici enfasizza kif il-Karnival jibqa’ wieħed mill-avvenimenti kulturali ewlenin li jgħaqqad lin-nies u jsostni t-tradizzjonijiet, il-kreattività u l-identità Maltija. Il-parteċipazzjoni ta’ 39 kumpanija turi kemm dan l-avveniment għadu ħaj u rilevanti.
Din is-sena, 50 kunsill lokali se jorganizzaw attivitajiet varji f’diversi lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex, grazzi għal fondi mill-Gvern Lokali. L-avvenimenti prinċipali jinkludu spettakli tradizzjonali, bħal defilé bil-karrijiet, żfin, kostumi kkuluriti, maskeruni u installazzjonijiet fil-Belt Valletta.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, ifakkar kif il-Karnival jgħaqqad artisti, professjonisti u voluntiera li jiddedikaw ħinhom biex joħolqu xogħol ta’ livell għoli. Il-Kap Eżekuttiv, Frans Agius, iżid li x-xogħol wara l-kwinti, bħal kartapesta, kostumi, ipprogrammar u loġistika, hu essenzjali biex il-Karnival ikun esperjenza sigura u pjaċevoli għal kulħadd.
Barra mill-attivitajiet ewlenin bejn it-13 u s-17 ta’ Frar, il-Karnival se jkollu wkoll edizzjoni f’Ħamrun nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar u “Carnival by Night” f’Santa Venera is-Sibt 7 ta’ Frar.
Jason Busuttil, Direttur Artistiku, jħeġġeġ lill-pubbliku jipparteċipa u jgawdi l-kulur, il-kreattività u l-briju li jġib miegħu l-Karnival, filwaqt li jkompli jiżgura futur sabiħ għal din it-tradizzjoni.
Il-programm kollu jinsab fuq www.festivals.mt/karnival. Il-Karnival ta’ Malta huwa organizzazzjoni ta’ Festivals Malta, bis-sapport tal-Ministeru u megħjun minn Fanta.












