Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, ħabbru li issa huma miftuħa r-reġistrazzjonijiet għall-eżibituri tal-Malta AgriFair 2026, il-fiera nazzjonali ewlenija li tiċċelebra l-agrikoltura, is-sajd, is-sistemi tal-ikel u s-setturi relatati.
Wara s-suċċess kbir tal-edizzjonijiet preċedenti u l-interess qawwi tal-pubbliku, il-Malta AgriFair se terġa’ ssir għat-tielet darba bejn il-Ġimgħa 17 u l-Ħadd 19 ta’ April 2026, bejn l-10.00am u l-10.00pm, fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC), Ta’ Qali. L-avveniment se jlaqqa’ flimkien bdiewa, sajjieda, produtturi, edukaturi, innovaturi, negozji, familji u dawk li jfasslu l-politika, f’ambjent li jrawwem id-djalogu, it-tagħlim u l-kollaborazzjoni.
It-tema ta’ din is-sena, “Where Tomorrow Takes Root”, tirrifletti viżjoni li tgħaqqad it-tradizzjoni mal-ħtieġa li ninvestu fis-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-ġenerazzjonijiet futuri. Tisħaq li dak li nagħmlu llum għandu jkun il-pedament ta’ settur aktar b’saħħtu għall-għada. Fost il-prijoritajiet hemm l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-agrikoltura ċirkolari u mingħajr skart, teknoloġiji moderni u agrikoltura intelliġenti, kif ukoll il-biedja organika u dik fi stadju ta’ konverżjoni. Fl-istess ħin, il-fiera tibqa’ tagħti importanza lir-razez indiġeni, il-prattiki tradizzjonali u l-wirt tal-ikel Malti.
Il-Ministru Anton Refalo qal li l-Malta AgriFair hi pjattaforma strateġika li torbot il-preżent mal-futur tas-setturi primarji. Huwa spjega li mhux biss hija wirja ta’ prodotti, iżda spazju fejn ix-xogħol tal-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u l-produtturi jingħata r-rikonoxximent li jistħoqqlu, filwaqt li jkomplu jinbnew soluzzjonijiet sostenibbli u innovattivi li jiżguraw futur aħjar għall-pajjiż. Huwa sostna li d-deċiżjonijiet tal-lum se jsawru s-sigurtà alimentari u l-identità ta’ Malta fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li l-Agrifair saret parti mill-kalendarju nazzjonali bħala l-akbar fiera agrikola u tas-sajd f’Malta. Hija ħeġġet lill-eżibituri kollha biex jieħdu din l-opportunità u jesponu l-prodotti u s-servizzi tagħhom waqt l-edizzjoni li jmiss, filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Ministeru għall-impenn tagħhom biex l-avveniment ikun suċċess.
Id-Direttur għas-Servizzi tas-Sapport Estelle Sant spjegat li l-Malta AgriFair hija spazju fejn is-settur jiltaqa’ bħala komunità u bħala pajjiż. Hija qalet li l-fiera turi r-reżiljenza u d-dedikazzjoni tal-bdiewa, raħħala, sajjieda, produtturi u edukaturi li kuljum isaħħu s-sigurtà tal-ikel u l-identità Maltija, filwaqt li t-tema ta’ din is-sena tħares lejn futur aktar sostenibbli, innovattiv u reżiljenti.
Il-fiera se tkun ukoll edukattiva u inklużiva, b’attivitajiet prattiċi u opportunitajiet ta’ tagħlim għall-familji, studenti u żgħażagħ. L-edukazzjoni u t-taħriġ jibqgħu pilastri ewlenin biex jissaħħaħ l-għarfien dwar sistemi tal-ikel responsabbli u l-protezzjoni ambjentali.
Il-Malta AgriFair toffri opportunità importanti lill-eżibituri biex juru l-prodotti, is-servizzi u l-inizjattivi tagħhom quddiem udjenza wiesgħa taħt saqaf wieħed. Se tipparteċipa firxa ta’ produtturi lokali, negozji agroalimentari, fornituri, konsulenti, innovaturi u istituzzjonijiet edukattivi u ta’ riċerka. Ir-reġistrazzjoni għall-eżibituri tibqa’ miftuħa sas-27 ta’ Frar 2026.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://agrifair.gov.mt.












