Il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, wieħed mill-aktar teżori importanti tal-wirt kulturali u reliġjuż Malti, ingħatat ħajja ġdida wara xogħlijiet estensivi ta’ restawr li issa ġew fi tmiemhom.
Dan is-sit storiku se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku fi tmiem din il-ġimgħa, b’quddiesa speċjali nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Frar fis-6pm, li tista’ tiġi segwita wkoll live fuq TVM+.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan l-intervent jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex il-patrimonju nazzjonali mhux biss jiġi mħares, iżda wkoll jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Huwa sostna li l-investiment fil-kultura jirrifletti s-saħħa ekonomika tal-pajjiż u jkompli jsaħħaħ l-identità u l-memorja kollettiva Maltija.
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li l-Knisja tal-Ġiżwiti tibqa’ simbolu qawwi tal-istorja kulturali u spiritwali ta’ Malta, u li dan ir-restawr juri kif, permezz ta’ ħidma kollettiva, nistgħu nħarsu l-passat waqt li nibnu futur li jixraq lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Knisja, ir-Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet, qal li l-ftuħ mill-ġdid jimmarka t-tmiem tal-ewwel fażi ta’ wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi ta’ konservazzjoni ekkleżjastika f’Malta f’dawn l-aħħar snin. Huwa spjega li dan mhux biss restawr ta’ monument, iżda proġett li jerġa’ jagħti leħen u funzjoni ħajja lil dan il-kumpless fil-qalba tal-Kapitali, fejn l-arkitettura, l-arti u l-fidi jerġgħu jingħaqdu b’mod koerenti.
Dr Doublet saħaq li l-proġett kien ibbażat fuq riċerka serja, kollaborazzjoni interdixxiplinari u rispett lejn l-istorja tas-sit, sabiex il-Knisja tal-Ġiżwiti tibqa’ mhux mużew, imma spazju sagru li jkompli jispira, jinvolvi u jservi lill-komunità u lill-pajjiż.
Ix-xogħlijiet inkludew ir-restawr tal-ħitan u s-saqaf, tiswija tal-ġebel u l-balavostri, restawr tat-twieqi, illustrar tal-art tal-irħam, titjib fis-sistemi elettriċi u l-introduzzjoni ta’ sistemi moderni ta’ sigurtà.
B’kollox ġew investiti €5 miljun minn fondi nazzjonali, li koprew ukoll ir-restawr tal-oratorji, tal-bejt, tal-koppla, tal-kappelli, tal-kampnar u tal-faċċati tal-knisja. Il-proġett kien taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Fl-2021 twaqqfet fondazzjoni dedikata biex tieħu ħsieb dan is-sit storiku, sabiex il-knisja tibqa’ spazju ħaj u mhux biss monument.
Ġie rikonoxxut ukoll il-kontribut ta’ sponsors privati fosthom Bank of Valletta, MAPFRE Middlesea, Alfred Mizzi Foundation u Tumas Group, kif ukoll ta’ entitajiet kulturali pubbliċi bħall-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Heritage Malta u Arts Council Malta.













