F’ċerimonja uffiċjali, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju lil sitt professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr tal-patrimonju kulturali.
Iċ-Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju qed jinħareġ għall-ħames darba mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi. B’dan l-aħħar eżerċizzju, it-total ta’ professjonisti li ngħataw dan iċ-ċertifikat tela’ għal 63. L-għan tiegħu hu li jirregola x-xogħol professjonali fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr, skont kif jipprovdi l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445.
Fl-istess ċerimonja ngħata wkoll Warrant lil professjonist ieħor, biex b’hekk in-numru totali ta’ Warrants maħruġa issa tela’ għal 64.
Għall-ewwel darba, il-Bord ta wkoll Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju fil-qasam tal-pittura. Sa issa, applikanti f’dan is-settur setgħu japplikaw biss għall-Warrant, iżda minn issa ’l quddiem se jkun hemm ukoll l-opportunità li wieħed japplika għall-Heritage Skills Certificate fil-pittura.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li dawn iċ-ċertifikati jservu biex jirrikonoxxu b’mod formali l-ħiliet u l-kompetenzi tal-professjonisti li jaħdmu fil-qasam sensittiv tal-patrimonju kulturali.
Huwa saħaq li x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr jeħtieġ li jsir b’mezzi, materjali, attenzjoni u etika mill-ogħla livell. Għalhekk, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jirrikjedi li kull min iwettaq dawn is-servizzi jkollu Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju maħruġ skont il-liġi.
Il-Ministru Bonnici temm billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom matul is-snin, b’mod partikolari liċ-Chairperson tal-Bord, Dr Joseph Buttigieg, u lill-membri tal-Bord, li permezz tal-ħidma tagħhom qed jagħtu rikonoxximent professjonali lil dawn il-konservaturi u restawraturi.











