Ġnien Brejġu fiż-Żejtun ġie rinnovat u mmodernizzat permezz ta’ intervent iffinanzjat minn skema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Il-proġett, li swielu madwar €180,000, inkluda l-ħolqien ta’ żona ġdida għat-tfal, it-tisbiħ ta’ partijiet differenti tal-ġnien, kif ukoll it-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli biex jitjieb l-ambjent naturali tal-post.
Iż-żona rikreattiva l-ġdida ġiet imsemmija għal Dun Anġ Seychell, magħruf bħala wieħed mill-akbar benefatturi taż-Żejtun. Dun Anġ kien qassis b’qalb kbira li ddedika ħajtu biex jgħin lil persuni vulnerabbli u lil dawk b’diżabilità. Il-wirt tiegħu ta’ servizz, mħabba u ġenerożità jibqa’ ta’ ispirazzjoni għall-komunità.
Waqt żjara fil-post, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, qalu li minkejja li l-ġnien mhuwiex kbir, għandu valur kbir għar-residenti taż-Żejtun peress li joffri spazju ta’ mistrieħ u rikreazzjoni għall-familji u l-anzjani.
Il-Ministru Bonnici faħħar il-viżjoni u l-ippjanar tal-Kunsill Lokali, li permezz ta’ użu għaqli tal-fondi rnexxielu jwettaq proġett li jindirizza direttament il-bżonnijiet tal-komunità. Huwa sostna li inizjattivi bħal dawn juru kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jtejbu l-ispazji pubbliċi u jsaħħu l-ħajja soċjali u ambjentali tal-lokalità.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li l-iskemi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qed joffru appoġġ finanzjarju qawwi lill-Kunsilli Lokali kemm għal proġetti infrastrutturali kif ukoll għal inizjattivi kulturali. Hija qalet li hu inkoraġġanti li tara Kunsilli li jieħdu l-inizjattiva biex isebbħu l-lokalità tagħhom, u sostniet li dan il-proġett fiż-Żejtun hu eżempju ċar ta’ kif dawn jistgħu jagħmlu differenza, speċjalment fil-ħajja tat-tfal.
Is-Segretarju Parlamentari temmet tappella biex aktar Kunsilli Lokali jippreżentaw proġetti li jsaħħu l-benesseri tal-komunitajiet, skont il-miri tal-Viżjoni Malta 2050.
Intant, is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius irringrazzjat lill-Ministeru u lis-Segretarjat Parlamentari għall-appoġġ li ppermetta li jitwettaq dan il-proġett. Hija fakkret li l-ġnien oriġina fis-snin tmenin u huwa msemmi għal Consiglio Ellul, magħruf bħala Brejġu, figura magħrufa u rispettata fiż-Żejtun.











