Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-pjan tal-akbar riġenerazzjoni li qatt saret għall-Port il-Kbir, li issa se jkun miftuħ għal konsultazzjoni pubblika. Wara din il-fażi, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) se tibda l-proċess ta’ ħidma mas-settur privat biex il-proġett jitwettaq.
Waqt it-tnedija uffiċjali tal-konsultazzjoni, Dr Abela saħaq li dan hu proġett ambizzjuż u ta’ skala kbira li se jħalli impatt pożittiv fuq kif Malta qed tinbidel għall-aħjar. Huwa qal li l-Port il-Kbir, meqjus bħala wieħed mill-isbaħ fil-Mediterran, għandu potenzjal enormi biex isir żona ta’ standard internazzjonali li tirrispetta l-wirt marittimu Malti u fl-istess ħin toffri spazji kulturali, ta’ servizzi u rikreazzjoni.
Ir-riġenerazzjoni se titwettaq f’erba’ fażijiet. L-ewwel waħda se tiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-waterfront tal-Marsa u s-sit tal-ex power station f’żona moderna, sostenibbli u vibranti li toħloq opportunitajiet ġodda u ġġib il-port aktar qrib il-komunità u l-familji. Id-disinn qed jitħejja mid-ditta internazzjonali Chapman Taylor.
Il-Prim Ministru spjega li dan il-proġett hu parti mill-viżjoni tal-Gvern biex jerġa’ jingħata valur lil siti li għal snin twal kienu abbandunati, b’enfasi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-pubbliku. Huwa fakkar ukoll kif din l-amministrazzjoni kienet kruċjali biex tingħalaq darba għal dejjem il-power station tal-Marsa, u tenna li issa wasal iż-żmien li din iż-żona tingħata ġustizzja b’proġett li ma sar qatt qabel fl-istorja moderna ta’ Malta.
Dr Abela qal li l-pjan hu allinjat mal-Viżjoni Malta 2050 u jħares lejn investiment ta’ kwalità li joħloq il-ġid. Żied li r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir tingħaqad ma’ proġetti oħra bħal Manoel Island, White Rocks, Forti San Salvatur, Forti Tigné u Forti Campbell, kollha bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin.
Huwa assigura li l-karatteristiċi storiċi tal-port mhux se jintilfu, iżda se jissaħħu aktar, sabiex kull lokalità li tmiss mal-Port il-Kbir tgawdi minn din ir-riġenerazzjoni.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet li l-viżjoni hi għal Port il-Kbir li jirrispetta l-wirt u fl-istess ħin iħares lejn il-futur b’investiment f’setturi ġodda. Hija sostniet li l-konsultazzjoni pubblika trid tkun miftuħa biex in-nies ikunu parti mill-bidla li se ssir.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-GHRC, l-Inġ. Ryan Fava, spjega li l-proġett jinkludi r-riġenerazzjoni tal-ex power station, il-Menqa, id-Deep Water Quay u s-swar tal-Floriana. Qal li l-konsultazzjoni saret biex il-pubbliku u l-istakeholders ikunu involuti fit-tmexxija ta’ dan il-proġett nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, qal li wara proġetti ta’ suċċess fil-Belt, il-Floriana u l-Kottonera, issa wasal iż-żmien li tingħata attenzjoni speċjali lill-Marsa, lokalità li għal snin twal ġarrbet il-piż ta’ attività industrijali. Skontu, dan il-pjan juri kif iż-żona tista’ terġa’ tieħu l-ħajja għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu.
Adrian Griffiths minn Chapman Taylor iddeskriva l-Port il-Kbir bħala port ta’ livell dinji b’storja rikka li tidher fl-arkitettura tiegħu. Huwa spjega li l-viżjoni tpoġġi enfasi fuq spazji pubbliċi, opportunitajiet kulturali u konnettività aħjar mal-Belt Valletta.
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa għal sitt ġimgħat u aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit tal-GHRC.
- Processed with VSCO with g6 preset
- {“key”:”g6″}












