Tlesta proġett estensiv ta’ restawr fuq il-bastjun u l-foss ta’ Santa Liena, parti mill-Fortifikazzjonijiet ta’ Santa Margherita fil-Kottonera. Ix-xogħlijiet twettqu mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, b’investiment ta’ kważi €1.7 miljun, bil-għan li tiġi mħarsa u valorizzata din il-parti importanti tal-wirt tanġibbli Malti.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, żaru s-sit biex jaraw mill-qrib ir-riżultati ta’ dan l-intervent.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-proġett juri b’mod ċar l-impenn tal-Gvern lejn il-protezzjoni tal-wirt storiku u kulturali tal-pajjiż. Spjega li permezz ta’ dan l-investiment, mhux biss qed jiġu salvati strutturi ta’ valur, iżda qed tiġi msaħħa l-identità Maltija biex dawn il-postijiet jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan kien proġett tant mixtieq mir-residenti tal-Kottonera u li llum sar realtà. Hija sostniet li r-restawr tas-sur huwa investiment fit-tul fil-wirt nazzjonali, u faħħret il-ħidma konġunta bejn id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla biex is-sur reġa’ ngħata l-istat li jixraq lilu.
Il-fortifikazzjonijiet ta’ Santa Liena nbnew fis-sekli sbatax u tmintax u maż-żmien sofrew diversi forom ta’ deterjorament. Il-proġett tqassam f’sezzjonijiet li jkopru madwar 460 metru ta’ fortifikazzjonijiet u 340 metru ta’ ħitan tal-foss, b’erja totali ta’ kważi 10,000 metru kwadru. Ix-xogħol inkluda t-tindif tal-ġebel filwaqt li nżammet il-patina oriġinali fejn kien possibbli, it-tneħħija ta’ materjal ibbażat fuq is-siment, u l-konsolidazzjoni tal-ħitan b’taħlitiet tradizzjonali bbażati fuq il-ġir idrawliku. Fejn kien hemm ħsara strutturali, il-ħitan inbnew mill-ġdid bl-użu tal-ġebel oriġinali fejn setgħu jintużaw.
Matul l-intervent instabu wkoll kontramini fil-ħitan tal-foss, li taw aktar tagħrif dwar l-inġinerija militari tas-sit. Ġiet irrestawrata wkoll rampa storika li kienet tintuża mill-militar biex jaċċessa ż-żona ta’ Fuq Verdala u l-polverista tal-kavallieri. Barra minn hekk saru xogħlijiet fuq l-imbrażuni li kienu nbidlu fi żmien l-Armata Brittannika, kif ukoll ġiet ippreservata parti minn ċisterni tal-ilma li kienu jintużaw mill-militar stazzjonat fil-Forti Verdala.
Għaż-żjara kienu preżenti wkoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi u s-Sindku ta’ Bormla Marco Agius.










