Bdew xogħlijiet estensivi ta’ restawr fuq is-Sur ta’ San Nikola, magħruf ukoll bħala s-Sur ta’ Bieb il-Polverista, parti importanti mil-Linji tal-Kottonera – wieħed mill-aktar sistemi ta’ fortifikazzjonijiet storikament sinifikanti f’Malta.
Il-proġett qed jitwettaq permezz ta’ fondi lokali u mistenni jitlesta matul din is-sena, b’investiment stmat ta’ madwar €700,000.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, żaru s-sit biex isegwu mill-qrib l-andament tax-xogħlijiet.
Il-Ministru Bonnici qal li dan ir-restawr juri l-impenn kontinwu tal-Gvern lejn il-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali. Huwa sostna li, permezz ta’ dan l-investiment, mhux biss qed jiġu salvati strutturi ta’ valur storiku, iżda qed jiġi assigurat ukoll li jibqgħu parti mill-identità Maltija għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-investiment juri kif il-kunsilli lokali qed jingħataw sostenn u jaħdmu f’sinerġija ma’ entitajiet nazzjonali. Spjegat li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni qed ikompli bit-tieni fażi tal-intervent, investiment fil-wirt tanġibbli tal-lokalitajiet li se jibqa’ jitgawda fis-snin li ġejjin.
Is-Sur ta’ San Nikola nbniet lejn l-aħħar tas-seklu sbatax fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, bħala parti mill-miżuri difensivi wara t-theddida ta’ attakk Ottoman wara l-waqgħa ta’ Kandia. Dawn il-fortifikazzjonijiet kellhom l-għan li jipproteġu l-Port il-Kbir u l-insedjamenti ta’ madwaru. Dan is-segment jinsab bejn il-Bastjun ta’ San Ġwann u dak ta’ San Nikola. Wara li ġie restawrat il-Bastjun ta’ San Ġwann, issa bdew ukoll l-interventi fuq il-Bastjun u s-Sur ta’ San Nikola.
Ix-xogħlijiet jinkludu r-restawr tal-faċċati ta’ wara tas-sur u tal-ħajt fortifikat fil-livell t’isfel, kif ukoll tal-volti u l-kmamar fil-parti ta’ fuq. Se jsir tindif estensiv tal-ġebel li bħalissa hu affettwat minn ħmieġ bijoloġiku u swidija, kif ukoll interventi fuq żoni li jinsabu f’kundizzjoni kritika minħabba l-effetti tal-ilma, il-melħ u l-elementi naturali.
Se jsir ukoll restawr u sostituzzjoni ta’ aperturi tal-injam, flimkien ma’ titjib fis-sistemi tad-drenaġġ sabiex jiġi evitat aktar ħsara kkawżata mill-perkolazzjoni tal-ilma.
Għaż-żjara kien preżenti wkoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi.










