Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jiltaqa’ mas-Sindku ta’ San Francisco, OpenAI u Coursera
Matul iż-żjara uffiċjali tiegħu fl-Istat ta’ Kalifornja, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, kellu sensiela ta’ laqgħat ta’ livell għoli li qed ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta, b’enfasi fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet diġitali u t-teknoloġiji emerġenti, kif ukoll fuq kooperazzjoni usa’ bejn il-pajjiżi.
Flimkien mal-Konslu Onorarju Louis J. Vella, Dr Borg iltaqa’ mas-Sindku ta’ San Francisco, Daniel Lurie. Huwa sostna li din kienet laqgħa ta’ importanza kbira, hekk kif Kalifornja, u b’mod partikolari San Francisco, għandhom rwol qawwi fuq livell globali. Qal li Malta qed tkompli tenfasizza l-potenzjal tagħha permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, speċjalment fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi li qed jiffaċċja d-dinja.
Matul id-diskussjonijiet ġew esplorati opportunitajiet mhux biss fit-turiżmu u l-konnettività, iżda wkoll f’oqsma relatati ma’ kumpaniji u intrapriżi ta’ impatt internazzjonali li ħafna minnhom huma bbażati f’dan ir-reġjun.
B’enfasi fuq futur ibbażat fuq l-innovazzjoni, Dr Borg kellu wkoll laqgħat ma’ mexxejja fis-settur tat-teknoloġija u tal-intelliġenza artifiċjali f’San Francisco u Silicon Valley. Dawn huma parti mill-impenn ta’ Malta biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fit-teknoloġiji ġodda.
Huwa qal li ltaqgħu ma’ kumpaniji multinazzjonali, fosthom dawk li Malta diġà taħdem magħhom u oħrajn li magħhom qed jiġu esplorati kollaborazzjonijiet ġodda. Ma’ OpenAI, il-kreaturi ta’ ChatGPT, iddiskutew l-importanza li l-għodod tal-intelliġenza artifiċjali jkunu aċċessibbli, iżda wkoll li jkun hemm taħriġ biex jintużaw b’mod effettiv u responsabbli għall-ġid tas-soċjetà.
Dr Borg iltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti ta’ Coursera, pjattaforma globali tat-tagħlim diġitali. Huwa spjega li diversi istituzzjonijiet Maltin diġà qed jikkollaboraw ma’ Coursera biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tal-lum u ta’ għada, u li d-diskussjonijiet iffukaw fuq aktar opportunitajiet ta’ kooperazzjoni.
Fl-aħħar nett, Dr Borg qal li dan kollu juri kif Malta mhux qed tiddependi biss fuq oqsma ekonomiċi tradizzjonali, iżda qed tinvesti wkoll f’għodod innovattivi biex tkompli timxi ’l quddiem.
Il-laqgħat f’San Francisco juru wkoll il-pożizzjoni internazzjonali b’saħħitha ta’ Malta u l-fiduċja li l-imsieħba globali għandhom lejn pajjiżna bħala sieħeb serju u affidabbli b’ħarsa lejn il-futur.
Ritratti (ODPM-MFT)












