€5 miljun f’fondi addizzjonali se jkunu allokati lill-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex permezz ta’ numru ta’ skemi ġodda mnedija mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. It-tħabbira saret mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali Emile Vassallo.
Dawn il-fondi se jitqassmu fuq diversi inizjattivi li jkopru oqsma differenti fosthom il-kultura, l-infrastruttura u l-manutenzjoni. Fost l-iskemi kulturali hemm dawk marbuta mal-Attivitajiet Kulturali Annwali 2026, l-Attivitajiet tal-Milied 2026 u l-Attivitajiet tal-Karnival 2027. Barra minn hekk, se jibqgħu għaddejjin skemi bħal “Komunitajiet Aktar B’saħħithom u ta’ Kwalità”, il-Fond ta’ Manutenzjoni u Sostenn ta’ Proġetti Infrastrutturali Maġġuri mwettqa mill-Gvern Ċentrali, kif ukoll l-inizjattiva finanzjarja għal Lokalitajiet Aktar Nodfa.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet li l-investiment fil-lokalitajiet se jkompli jissaħħaħ, hekk kif iċ-ċittadin jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern u tal-operat tal-Kunsilli Lokali. Hija nnutat li l-allokazzjoni din is-sena telgħet għal €5 miljun, biex b’hekk ikun possibbli li jitkomplew jiġu organizzati attivitajiet ta’ livell għoli u jitwettqu proġetti konkreti għall-ġid tar-residenti.
Hija enfasizzat li s-sena li ġejja se tkun waħda ta’ impenn kontinwu favur il-komunitajiet, b’attenzjoni partikolari lejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Skont hi, il-kontribut taż-żgħażagħ bl-ideat innovattivi tagħhom, flimkien mal-esperjenza tal-anzjani, hu kruċjali biex jittieħdu deċiżjonijiet aktar effettivi għall-ġid tal-lokalitajiet.
Meta rreferiet għas-sena li għaddiet, hija spjegat li kienu tnedew sitt skemi b’allokazzjoni ta’ aktar minn €4 miljun u li rreġistraw l-akbar parteċipazzjoni mill-Kunsilli Lokali s’issa. Fost ir-riżultati kien hemm 61 attività kulturali madwar Malta u Għawdex, 50 attività tal-Karnival, 53 inizjattiva ambjentali marbuta mal-Jum Dinji għat-Tindif, 45 proġett kapitali u disa’ proġetti oħra ta’ manutenzjoni u sostenn.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali Emile Vassallo qal li dawn l-iskemi se jkomplu jibnu fuq ix-xogħol li sar fl-aħħar snin. Huwa spjega li permezz tal-iskema “Komunitajiet Aktar B’saħħithom u ta’ Kwalità” il-finanzjament jista’ jilħaq sa €100,000, filwaqt li l-iskema tal-Attivitajiet Kulturali tippermetti kontribuzzjoni massima ta’ €20,000 għal kull attività.










