Il-jiem tal-Karnival issa fl-aqwa tagħhom u Għawdex bħall-bieraħ, jilqa’ eluf ta’ nies għal festa li kull sena timla l-gżira b’ħajja, mużika u tradizzjoni.
Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, żaru diversi lokalitajiet Għawdxin biex isegwu mill-qrib il-preparamenti li għaddejjin għall-attivitajiet tal-Karnival ta’ din is-sena.
Iż-żjara bdiet fin-Nadur, fejn il-Prim Ministru ltaqa’ mal-organizzaturi tal-Karnival Spontanju – avveniment li matul is-snin sar sinonimu ma’ atmosfera alternattiva u kreattiva li tattira numru kbir ta’ żgħażagħ, kemm Għawdxin kif ukoll Maltin. Hemmhekk seta’ jara x-xogħol li għaddej u jitkellem mal-organizzaturi ta’ Malta Daily, mas-Sindku tan-Nadur Edward Said, u ma’ diversi residenti li b’dedikazzjoni kbira jkomplu jżommu din it-tradizzjoni ħajja sena wara oħra.
Matul il-ġurnata saru wkoll żjarat f’diversi stabbilimenti u kumpaniji tad-divertiment li qed iħejju attivitajiet f’lokalitajiet differenti madwar Għawdex għall-weekend tal-Karnival. Ħafna minn dawn l-inizjattivi qed jitmexxew minn żgħażagħ, li qed jagħtu dimensjoni moderna lill-festa tradizzjonali u jkomplu jsaħħu l-atmosfera ferriħija fil-gżira.
Parti importanti miż-żjara kienet iddedikata għall-kumpaniji tal-karrijiet, fejn il-Prim Ministru żar ħames imħażen differenti biex jara mill-qrib ix-xogħol artistiku u tekniku li qed isir fuq il-karrijiet li se jieħdu sehem fil-parati. Spikka b’mod ċar l-impenn, il-kreattività u s-sagrifiċċju ta’ bosta voluntiera li jaħdmu bla heda biex iżommu ħaj dan il-wirt kulturali li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
Iż-żjara ntemmet fir-Rabat, Għawdex, fejn il-Prim Ministru attenda għall-parata tradizzjonali tal-Karnival. Fost kostumi kkuluriti, mużika u karrijiet spettakolari, il-parata offriet atmosfera ta’ ferħ u għaqda, b’familji u parteċipanti jgawdu flimkien din il-festa tant mistennija.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Karnival f’Għawdex jirrifletti l-ispirtu pożittiv tal-komunità u juri kemm il-poplu Għawdxi hu magħqud madwar il-valuri u t-tradizzjonijiet tiegħu. Huwa saħaq li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja inizjattivi bħal dawn li mhux biss iġibu l-ferħ, iżda wkoll isaħħu l-attività ekonomika u l-ħajja soċjali fil-gżira Għawdxija.
Ritratti: OPM
















