Ix-xogħol fuq il-lift li se jgħaqqad lil Marsamxett mal-Mandraġġ jinsab miexi b’ritmu tajjeb u diġà wasal fi stadju avvanzat. Dan il-proġett mistenni joffri benefiċċji kbar kemm għar-residenti tal-Belt kif ukoll għat-turisti numerużi li jżuru din iż-żona, speċjalment dawk li jużaw it-trasport tal-baħar bejn Tas-Sliema u Marsamxett.
Waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Sindku tal-Valletta Olaf McKay u rappreżentanti tal-Grand Harbour Regeneration Corporation, ġie spjegat li x-xogħlijiet mexjin b’effiċjenza kbira. Fil-fatt, tlesta x-xogħol kollu kumplimentari kemm fiż-żona tal-Mandraġġ kif ukoll fin-naħa t’isfel qrib il-punt fejn jopera s-servizz tal-baħar.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dan il-proġett għandu jtejjeb b’mod sostanzjali l-aċċessibbiltà f’din in-naħa tal-Belt. Hija qalet li l-għan hu li jinħoloq aċċess aktar faċli, sigur u estetikament sabiħ biex in-nies ikunu jistgħu jitilgħu u jinżlu direttament lejn Marsamxett. Irrimarkat ukoll li, minkejja l-kumplessità marbuta mal-bini ta’ lift ġewwa s-sur storiku, il-proġett kien meqjus prijorità biex tingħata konnettività aħjar lir-residenti u lill-viżitaturi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan l-investiment, iffinanzjat minn fondi Ewropej bħala parti minn proġett usa’ ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsamxett, se jnaqqas b’mod sinifikanti d-diffikultà li bħalissa jiffaċċjaw in-nies meta jkollhom jitilgħu telgħa wieqfa. Huwa qal li l-intervent mhux biss se jtejjeb l-esperjenza ta’ kuljum tal-pubbliku, iżda wkoll se jħares u jsaħħaħ il-valur storiku tas-sit, billi jgħaqqad flimkien il-mobbiltà moderna mal-wirt kulturali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-korporazzjoni, Gino Cauchi, spjega li l-proġett kien jinvolvi diversi sfidi tekniċi, kemm mill-aspett tal-inġinerija kif ukoll min-natura sensittiva tas-sit. Spjega li biex jiġi evitat li l-lift jintrama fuq barra tas-swar, kien meħtieġ tħaffir dirett fis-sur b’intervent metikoluż u magħmul l-aktar bl-idejn. Fl-istess ħin, inbniet struttura tal-konkrit ġewwa s-sur biex jinħoloq ix-shaft tal-lift, b’attenzjoni kbira sabiex jitħares il-wirt storiku tal-Belt Valletta filwaqt li jinħoloq aċċess modern u sigur għall-pubbliku.










