Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Frar 2026 tibda uffiċjalment ir-Randan Imqaddes, perjodu ta’ 40 jum li matulu l-Insara huma mistiedna jgħixu aktar fil-fond l-ispirtu tat-talb, tal-penitenza u tal-karità, bħala tħejjija għall-akbar misteri tal-fidi Nisranija: il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu.
L-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi ċ-ċelebrazzjoni ta’ Ras ir-Randan bil-quddiesa u t-tqegħid tal-irmied fid-9:00am fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, u aktar tard fis-6:00pm fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Fil-quddiesa ta’ filgħaxija se tkun esposta wkoll ir-relikwa ta’ San Franġisk t’Assisi għall-qima tal-fidili.
Min-naħa tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi se jqaddes fid-9:30am fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Din il-quddiesa se tixxandar fuq TVM+, Knisja.mt, RTK 103 u Newsbook Malta, biex kulħadd ikun jista’ jsegwiha.
Fil-messaġġ tiegħu għal dan ir-Randan, Papa Ljun XIV iħeġġiġna nerġgħu nqiegħdu lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajjitna permezz tas-smigħ tal-Kelma tiegħu u tas-sawm, li jwassal għal indiema sinċiera. Is-smigħ tal-Kelma jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u jiftaħ qalbna għall-bżonnijiet tal-oħrajn, speċjalment tal-foqra u ta’ min ibati. Is-sawm, min-naħa l-oħra, jgħinna nikkontrollaw ix-xewqat tagħna u nindirizzawhom lejn il-ġustizzja u l-imħabba. Il-Papa jistedinna wkoll nevitaw kliem li jweġġa’ u flok nipprattikaw il-ġentilezza u r-rispett, biex flimkien nibnu “ċ-ċiviltà tal-imħabba”.
Matul dan iż-żmien qaddis, il-Knisja tħeġġeġ lill-fidili jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali. Aktar informazzjoni dwar iċ-ċelebrazzjonijiet u l-attivitajiet marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa fil-parroċċi ta’ Malta tinsab fuq randan.knisja.mt, li se jibqa’ jiġi aġġornat regolarment.
Barra minn hekk, huma disponibbli wkoll il-websites beHOLD.mt, beKids.mt u soter.knisja.mt, li joffru talb u riżorsi addattati għal dan il-perjodu ta’ tiġdid spiritwali.








