Xelter storiku tal-gwerra, li sa issa kien taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġie mgħoddi lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq b’titolu ta’ kera għal perjodu ta’ ħames snin. Il-proprjetà tinsab fin-numru 1, Triq il-Kbira, iż-Żurrieq u tkopri madwar 57 metru kwadru.
Permezz ta’ dan il-pass, il-Kunsill Lokali se jkun jista’ jieħu ħsieb il-manutenzjoni u l-konservazzjoni ta’ dan ix-xelter, li għandu valur storiku u kulturali importanti. L-għan huwa li s-sit jiġi mħares u żviluppat f’post edukattiv u komunitarju li jfakkar il-memorja kollettiva tal-poplu tagħna u s-sagrifiċċji li għaddew minnhom dawk li għexu ż-żmien tal-gwerra.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, sostna li dan huwa pass ieħor biex inħarsu u nagħtu valur lill-wirt storiku tagħna. Huwa enfasizza li permezz ta’ ħidma konġunta bejn l-entitajiet governattivi u l-kunsilli lokali, siti bħal dawn jistgħu jingħataw ħajja ġdida u jsiru spazji ta’ tagħlim u opportunità għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, spjega li dan it-trasferiment huwa parti mill-impenn tal-Awtorità biex proprjetajiet pubbliċi ta’ valur storiku jintużaw b’mod sostenibbli u fl-interess tal-komunità. Huwa qal li permezz ta’ din il-kera, ix-xelter se jibqa’ mħares, miżmum u valorizzat, filwaqt li jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku.
Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, qalet li wara li jsir it-tindif u x-xogħol meħtieġ, ix-xelter se jinfetaħ għall-pubbliku biex ir-residenti jkunu jistgħu jżuruh u jgawduh, kif ukoll biex fih jiġu organizzati attivitajiet għall-komunità.
Il-ftehim ta’ trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, mis-Sindku Rita Grima u mis-Segretarju Eżekuttiv Josianne Cilia Mumford.








