Ħamest iklieb ta’ assistenza ċċelebraw it-tmiem b’suċċess tal-programm intensiv ta’ taħriġ tagħhom waqt ċerimonja solenni fil-Palazz ta’ Sant’Anton, organizzata mill-Service Dogs Malta Foundation taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.
Balto, Dom, Sam, Pablo u Kaydi issa huma uffiċjalment lesti biex jibdew kapitlu ġdid fil-ħajja tagħhom, fejn se jassistu persuni b’kundizzjonijiet differenti fil-ħajja ta’ kuljum. It-taħriġ ta’ kull kelb jiswa madwar €15,000, iżda l-fondazzjoni volontarja tieħu ħsieb l-ispejjeż kollha tal-akkwist u t-taħriġ u tgħaddihom bla ħlas lill-benefiċjarji.
Balto u Kaydi se jkunu ta’ appoġġ għal persuni b’diffikultajiet fil-mobilità, filwaqt li Dom ġie mħarreġ biex jgħin persuna bid-dijabete jimmaniġġja l-kundizzjoni tagħha b’aktar sigurtà. Pablo se jservi bħala kelb ta’ assistenza għal persuna b’kundizzjoni psikjatrika.
Sam, kelb tar-razza Labrador, kellu taħriġ possibbli grazzi għal investiment ta’ €15,000 mill-Gvern ta’ Malta. Huwa se jiġi assenjat lil tifla ta’ seba’ snin fl-ispettru tal-awtiżmu, sabiex joffrilha sapport kontinwu kemm fid-dar kif ukoll fil-komunità. Sam ġie mħarreġ apposta biex jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tagħha, billi jipprovdi sens ta’ sigurtà, stabbiltà emozzjonali u għajnuna prattika f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum, u b’hekk jgħinha tikseb aktar inklużjoni u awtonomija.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, faħħret ix-xogħol tal-fondazzjoni u tal-voluntiera tagħha, u ddeskriviet din il-gradwazzjoni bħala bidu ġdid għall-persuni li se jiddependu fuq dawn il-klieb. Hija enfasizzat kif b’dedikazzjoni u impenn nistgħu nagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tan-nies.
Il-fundatur u Operations Manager tal-fondazzjoni, Joseph Stafrace, tkellem dwar il-vjaġġ emozzjonanti u l-ħidma intensiva li jwasslu għal dan il-mument, u ddeskriva l-għotja tal-klieb lill-benefiċjarji bħala ċelebrazzjoni ta’ snin ta’ ħidma u sagrifiċċju minn tim dedikat.
Matul iċ-ċerimonja, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, bierek lill-klieb u lill-familji tagħhom. Huwa ddeskriva l-okkażjoni bħala ċelebrazzjoni tal-armonija bejn il-bniedem u l-ħlejqa, u tal-possibbiltà li titjieb il-kwalità tal-ħajja permezz tas-servizz u l-imħabba.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, sostniet li l-investiment tal-Gvern f’dan il-programm juri impenn konkret lejn inizjattivi li jtejbu l-ħajja ta’ persuni b’diżabilità. Hija enfasizzat li permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ għaqdiet volontarji tista’ tinħoloq bidla reali u tanġibbli, b’mod partikolari għal persuni fl-ispettru tal-awtiżmu u l-familji tagħhom.
Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Graziella Galea, iddeskriviet il-gradwazzjoni bħala ċelebrazzjoni ta’ ħajja aktar indipendenti u awtonoma għall-ħames persuni li se jibbenefikaw minn dawn il-klieb.
Fi tmiem iċ-ċerimonja tnediet ukoll il-kanzunetta ‘Dejjem Tiegħek’, bi kliem ta’ Rita Pace u interpretazzjoni tal-mezzo-sopran Vanessa Vassallo. Il-kanzunetta tirrakkonta r-rabta speċjali bejn il-kelb ta’ assistenza u sidu, mibnija fuq il-fiduċja, il-lealtà u mħabba bla kundizzjoni.
Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lis-Service Dogs Malta Foundation permezz tal-paġna uffiċjali tagħhom fuq Facebook jew direttament lil Joseph Stafrace.
Ritratti: OPR












